Iben Ivan Falzon b’ħatra ta’ €64,000 fis-sena |
Minn Josef Grech |
Ian Falzon, inħatar fl-aħħar ġimgħat Direttur Ġenerali tal-Avjazzoni Ċivili b’salarju ta’ €64,000 fis-sena flimkien ma’ għadd ta’ benefiċċji oħrajn mogħtijin lil uffiċjali ta’ dan il-livell fi Transport Malta.
Falzon, huwa iben Ivan Falzon li għandu rabtiet qawwijin mal-Partit Nazzjonalista tant li fl-aħħar snin inħatar mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi f’bosta karigi ewlenin ta’ entitajiet governattivi fosthom Ċermen tal-MIMCOL b’salarju u perkaċċi li jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro. Falzon kien ukoll wieħed minn dawk involuti fix-xibka ta’ spjunaġġ immexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier. Falzon kien issemma fl-imejl skandaluża li ntbagħtet minn Borg Olivier bi żball lil Jason Micallef flok lis-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi. F’din l-imejl Falzon kien deskritt bħala wieħed mill-persuni midħla sew “fil-proċess ta’ qabel l-elezzjoni.” Falzon kellu sehem ewlieni wkoll f’żewġ “diżastri” tal-Gvern Nazzjonalista. Fl-2004 intalab biex fil-kapaċità tiegħu ta’ Ċermen tal-MIMCOL, jgħaddi lill-Gvern artijiet li jqumu flejjes kbar f’San Ġiljan, biex minnhom ikunu ffinanzjati l-Lm4 miljuni li l-Gvern nefaq fil-port fallut ta’ Brindisi. Falzon kien ukoll involut direttament fix-xiri ta’ Dar Malta fi Brussels, liema “dar” swiet lit-tax payers Maltin Lm11.5 miljun (€26.795 miljun).
|
|
Intant minn stħarriġ li għamel l-orizzont, jirriżulta li waqt li Ian Falzon inħatar Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili, missieru nħatar membru fil-Kumitat għall-Affarijiet tal-Avjazzjoni ta’ TM.
Mistoqsi dwar il-ħatra ta’ iben Falzon, il-Ministeru tat-Trasport, wieġeb li sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta’ Direttur Ġenerali tal-Avvjazzjoni Ċivili, ħarġet fl-14 u fit-18 ta’ Lulju, 2010. Qal li għal din il-kariga applikaw 14-il persuna.
Fit-tweġibiet l-Ministeru kkonferma li fil-kariga inkwistjoni nħatar Ian Falzon u qal li dan kien jissodisfa u jiżboq ir-rekwiżiti kollha li kien hemm fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-Ministeru ma kkonfermax li f’dan id-dipartiment inħatret persuna oħra biex tassisti lil Ian Falzon.
Imkejjen qrib Transport Malta qalu li għal din il-kariga applikaw persuni ferm aktar kompetenti minn iben Ivan Falzon li “fil-mistjier ftit li xejn għandu esperjenza għax huwa kontrollur finanzjarju.” L-imkejjen qalu wkoll li biex jaġevolawh, ħatru bħala konsulent lill-eks-direttur Lorry Fenech.
Is-sorsi argumentaw li s-sejħiet għall-applikazzjonijiet li joħorġu fis-servizz pubbliku huma biss montatura “biex l-affarijiet jidhru li qed isiru b’trasparenza, iżda fir-realtà l-karigi jingħataw lin-nies tal-qalba Nazzjonalista. Anzi mhux biżżejjed li tkun Nazzjonalist għax jekk ma tagħmilx parti miċ-ċirku qatt ma jirnexxielek tieħu dak li ħaqqek bi dritt,” temmew jgħidu s-sorsi tagħna.
|
|