8 ta’ Marzu, 2010
It-8 ta` Marzu sar jum rikonoxxut globalment li jfaħħar is-suċċessi soċjali, ekonomiċi kif ukoll politiċi, miksuba minn nisa tal-bieraħ, t’issa u tal-futur. Dan hu turija simbolika tal-bidla fl-attitudni tas-soċjeta` u l-mod kif tħares lejn l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tal-mara. Filwaqt li hemm min jaħseb li ‘l-battalji tan-nisa ntrebħu’, ix-xogħol li qed tagħmel il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika huwa xhieda tal-oppost. Għad hemm nisa li minflok huma milqugħa b’bukkett mimosa jħabbtu wiċċhom ma` tgħajjir u swat. Għalhekk, waqt li tfakkar il-Jum Dinji tal-Mara, il-Kummissjoni, tagħraf il-progress miksub, iżda tisħaq li għad fadal xi jsir. Eżempju ta` dan hu l-fatt li l-ugwaljanza fis-soċjeta` m’hix l-istess għal kulħadd u għalhekk hemm nisa li huma vittmi ta` vjolenza inkluż vjolenza domestika.