Katigoriji ohra
 
 

Statistika inkwetanti maħruġa f’Malta
fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa:
16% TAN-NISA F'XIFER IL-FAQAR

7 ta’ Marzu, 2010

Sittax fil-mija tal-popolazzjoni femminili fil-gżejjer Maltin jinsabu f’riskju ta’ faqar, li jfisser 2% aktar mir-rata li teżisti fost l-irġiel. Differenzi sinifikanti jirriżultaw ukoll fir-rati tar-riskju ta’ faqar li jeżisti bejn nisa fi gruppi differenti ta’ età. Fil-fatt ir-rati kienu jvarjaw minn 13% għal dawk bejn 25 u 49 sena, għal 20% tan-nisa li għandhom inqas minn 18-il sena jew aktar minn 65 sena.

Dan jirriżulta mill-istħarriġ dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għixien li kien sar fis-sena 2008 u li ġie kkwotat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fi stqarrija li ħareġ għall-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa, li jitfakkar ta’ kull sena fit-8 ta’ Marzu.

Analiżi demografika tiżvela li l-għadd totali ta’ nisa fl-2008 ammonta għal 207,736, b’22% minnhom ikunu tal-età ta’ bejn 50 u 64 sena, kważi l-istess daqs dawk li kellhom bejn 20 u 34 sena. Nisa li kellhom 65 sena jew aktar ammontaw għal 4% aktar milli kien hemm irġiel. Interessanti l-fatt li fl-2008, in-nisa kienu mistennijin jgħixu sa 82 sena, li jfisser 39 sena aktar minn dawk li kienu jgħixu fl-1930.

Iżda waqt li fl-1960 r-rata ta’ fertilità kie­net ta’ 3.6, din niżlet għal 1.4 fis-sena 2008. Intant, l-istatistika tat-twelid turi l-età medja ta’ meta n-nisa jkollhom l-ewwel wild tagħhom telgħet minn 23 sena fl-1960 għal 27 sena fl-2008. Fl-istess sena, 43 fil-mija tan-nisa li żżewġu Malta kellhom bejn 25 u 29 sena. Kważi 70 fil-mija minn dawn kienu Maltin.

Mill-istatistika ppubblikata jirriżulta li r-rata ta’ impjieg għan-nisa ta’ bejn 15 u 64 sena telgħet minn 34 fil-mija fl-2003 għal 37 fil-mija fl-2008, kif ikkalkulat mil-Labour Force Survey. Fl-istess perijodu, ir-rata tal-qgħad niżlet minn 9 għal 7 fil-mija, waqt li dik tal-inattività naqset minn 63 għal 60 fil-mija.

Jirriżulta li 71 fil-mija tan-nisa li kel­lhom aktar mi­nn 15-il sena jagħmlu in­qas minn 10 minuti ta’ eżer­ċizzju mo­derat kull ġimgħa. Kienu 23 fil-mija tan-nisa li wieġbu li jagħmlu eżer­ċizzju moderat għal aktar minn siegħa, erbgħa fil-mija inqas mill-irġiel.

Fejn jidħol il-vizzju tat-tipjip, kien hemm 16 fil-mija tan-nisa li qalu li huma jpejpu kuljum, waqt li 79 fil-mija jgħidu li ma jpejpu xejn.

Jirriżulta wkoll li l-irġiel ipej­pu aktar min-nisa. Fil-fatt, l-istatistika turi li l-għadd ta’ rġiel li jpejpu ammonta għal 10 punti perċentwali aktar min-nisa.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com