Katigoriji ohra
 
 

Il-Parlament mitlub idaħħal id-divorzju

Id-deputat Parlamentari Nazzjonalis­ta Jeffrey Pullicino Orlando lbieraħ talab lill-Parlament biex idaħħal id-divorzju f’pajjiżna, suġġeriment li filwaqt li sab l-approvazzjoni tal-Op­pożizzjoni Laburista, wassal lill-Arċisqof biex jiddikjara li l-Membri Parlamentari jiġu eletti mill-poplu għal dak li jwegħdu.

Pullicino Orlando ssuġġerixxa li l-liġi tkun ibbażata fuq dik tal-Irlanda u jkunu jistgħu japplikaw għad-divorzju dawk li fl-aħħar ħames snin ma jkunux għexu mar-raġel jew mara tagħhom għal mill-inqas erba’ snin.

Permezz ta’ Private Member’s Bill li ppreżenta fil-Parlament, Pullicino Orlando qiegħed jinsisti li żwiġijiet li tfarrku għandhom jinħallu biex ma nibqgħux ngħixu f’sitwazzjoni fejn it-tieni żwieġ huwa impossibbli u l-ko-a­bitazzjoni mhix regolata hija kbira.

Waqt li fisser bħala inġust li żżomm persuna separata milli terġa’ tiżżewweġ, kif ukoll li persuna f’Malta ma tistax tikseb id-divorzju imma minn barra iva, id-deputat Nazzjonalista qal li huwa jaf li ħafna mill-kollegi tiegħu, inkluż hu, jemmnu fir-reliġjon Kattolika, madankollu saħaq li ma jridux iħallu s-sentimenti tagħhom jaffett­waw l-obbligi tagħhom lejn iċ-ċittadini, li ż-żwieġ tagħhom fallilhom imma jixtiequ jirranġaw is-sitwazzjoni tagħ­hom.

Skont Pullicino Orlando, l-abbozz ta’ liġi li ressaq huwa simili għal dik f’pajjiż ieħor Kattoliku – l-Irlanda – u jagħmilha possibbli li persuna tapp­lika għad-divorzju jekk fl-aħħar erba’ snin minn ħamsa ma tkunx għexet mar-raġel jew mara. Dan biex jiżgura li t-talba għad-divorzju ma ssirx f’saħna tal-mument.

Id-deputat Nazzjonalista kkwota wkoll lil Monsinjur Charles Vella, Fun­datur tal-Moviment ta’ Kana, meta dan kien qal li d-divorzju ma jkissirx iż-żwiġijiet u li r-rwoli tal-Istat u l-Knisja m’għandhomx ikunu magħqudin. Huwa kkwota wkoll lill-Papa Be­nedittu XVI meta dan qal li mhux ir-rwol tal-Knisja li tibni l-Istat imma dak taċ-ċittadini u l-politiċi.

Sadanittant, l-AD laqgħet b’sodis­fazzjoni t-talba ta’ Pullicino Orlando fejn iċ-Ċerpersin Michael Briguglio qal li tal-inqas kien hawn membru parlamentari wieħed li laqa’ l-proposta tagħhom biex fil-pajjiż jiddaħħal id-divorzju. Waqt li wera t-tama li iktar membri parlamentari jkunu favur din il-pożizzjoni, Briguglio fakkar li l-AD hija l-unika partit li s’issa ħarġet favur id-divorzju.

Min-naħa l-oħra, l-Ar­ċisqof Mons. Pawl Cre­mona O.P, tenna li l-Private Member’s Bill li ppreżenta d-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, peress li l-kwistjoni tad-dħul tad-divorzju ma saritx referenza għaliha fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti l-kbar matul il-kampanja elettorali tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

Meta kien qed jitkellem fil-programm “Bir-Rispett Kollu”, imxandar fuq l-istazzjon RTK, l-Arċisqof Cremona qal li hemm lok fejn wieħed jista’ jiddiskuti r-relazzjoni bejn il-Membri Parlamentari u l-poplu. Qal li “l-Membri Parlamentari kienu eletti mill-poplu fuq il-bażi ta’ dak li kien imwiegħed minnhom. Fl-aħħar elezzjoni kellna partit partikolari li kien favur id-divorzju, madankollu l-partiti l-kbar m’għamlu ebda referenza għal din il-kwistjoni”.

L-Arċisqof qal li l-Knisja dej­jem kienet konsistenti fil-po­żizzjoni tagħha kontra d-divor­zju, peress li minn dejjem riedet żwiġijiet stabbli, li huma l-aħjar ħaġa għas-soċjetà. “An­ke l-istat għandu jaħdem biex ikollna żwiġijiet aktar b’saħ­ħithom,” qal l-Arċisqof.

Il-kelliemi qal li jekk id-divorzju ma jidħolx hemm min se jbati, però jekk dan jiġi legalizzat hemm min se jbati wkoll. Hawnhekk l-Arċisqof qal li barra minn Malta fejn id-divorzju huwa legalizzat, jiġru ħafna każi fejn ikun hemm xi ħadd mill-koppja li jitlaq biex jibda relazzjoni ma’ persuna oħra.

“Għalhekk, jekk id-divorzju jkun legalizzat aħna nkunu qegħdin ngħidu lil dik il-persuna biex jekk trid titlaq u tifforma relazzjoni fi żwieġ ma’ persuna oħra,” qal Mons Pawl Cremona.

Dwar jekk il-Membri Parlamentari għandhomx jivvotaw favur jew kontra d-divorzju fil-Paralment, l-Arċisqof qal li jekk hemm persuna Kattolika bilfors li trid tgħaddi minn kunflitt dwar x’għan­dha tagħmel. Madan­kollu l-Arċisqof qal li “persuna li hija konvinta mir-reliġjon tagħ­ha trid tivvota għal żwieġ b’saħħtu u stabbli.”

L-Arċisqof kompla jgħid li l-Knisja mhux se tagħmel kruċjata kontra d-dħul tad-divorzju, “madankollu l-irwol tagħha huwa li tidħol fid-dibattitu u tagħmel il-po­żizzjoni tagħha ċara.”

Dwar il-koabitazzjoni, l-Arċisqof qal li l-Knisja hija kontra wkoll, peress li din hija ċirkostanza li twassal għal instabbiltà fost il-familji.

Sadanittant fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat fejn qal li “l-pożizzjoni tiegħi favur l-introduzzjoni tad-di­vorżju bħala dritt ċivili f’paj­jiżna ilha magħrufa u hija kon­sistenti.

“Nittama li d-diskussjoni u l-konsultazzjoni titħalla tiżvi­luppa bil-preżentazzjoni tal-mozzjoni min-naħa ta’ Jeffrey Pullicino Orlando. Għandu jkollna diskussjoni bi-partisan, ’il fuq mill-partiġġja­niżmu, razzjonali u studjata biex isir dak kollu meħtieġ biex jiġu protetti l-interessi ta’ dawk kollha involuti, speċjalment tat-tfal.

“Għal dan il-għan, b’mod konsistenti ma’ dak li kont diġa’ għidt, jien se nkun qed nagħti vot ħieles lill-Membri Parlamentari tal-PL. Fl-istess waqt, hemm bżonn li ssir analiżi serja tal-abbozz propost u l-Parlament għandu jingħata r-riżorsi kollha biex ikunu mressqin l-bidliet meħtieġa, u jkun żgurat li l-leġislazzjoni tkun l-aħjar waħda possibbli u li tiddefendi l-interess tat-tfal.

“F’dan il-kuntest, għandu jkun hemm konsultazzjoni, li tista’ tieħu diversi forom, biex dawk kollha konċernati fis-soċ­jetà, anki dawk li ma jaqblux, jagħtu l-ħsibijiet u l-kon­tribuzzjoni tagħhom,” temm jgħid Joseph Muscat.


 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com