Il-GRTU qalet li minflok li taha l-għajnuna li kien wiegħed permezz ta’ politika pożittiva wara li għabbieha b’tant piżijiet ġodda u impona fuqha tant burokrazija, il-Gvern issa qed jerġa’ jgħabbi fuq din l-industrija li timpjega magħha eluf ta’ ħaddiema, ruxxmata ħlasijiet esaġerati tkun tista’ tieħu l-permessi li tinħtieġ mill-MEPA biex tibqa’ teżisti.
“Ma jagħmel l-ebda sens li min iħaddem u ma jitlob xejn anzi jqalla’ lill-Gvern tant miljuni f’taxxi u jipprovdi tant faċilitajiet għall-iżvilupp tal-pajjiż, flok li tgħinu tkompli tmiegħku. Hekk qed jagħmel il-Gvern b’dawn ir-rati ta’ tariffi esaġerati tal-MEPA.
Flok li l-MEPA rat u naqset bil-kbir il-ħela u l-burokrazija esaġerata li dawret lilha innifisha biha, bi skapitu tal-flus tal-pubbliku, il-MEPA issa qabdet u imponiet l-ispiża esaġerata u minfuħa tagħha fuq imprendituri privati Maltin u fuq dawk kollha li jridu jgħollu l-livell tal-investiment tagħhom.
“Li ssawwat industrija li tħaddem tant nies u toħloq tant ġid diġà hi politika ħażina. Però li ssawwat industrija meta din għaddejja minn diffikultajiet kbar u qiegħda tagħmel kull sforz biex tinvesti aktar u tibqa’ żżomm l-impjiegi hi għal kollox kundanabbli. X’jiswa li l-Gvern jagħmel konsultazzjoni u jwaqqaf Users Committee fil-MEPA meta din tinponi bla ma tagħti kas ta’ x’jintqal fil-konsultazzjoni u bla ma tlaqqa’ l-Users Committee?” qalet il-GRTU.