Katigoriji ohra
 
 

Il-UHM tordna Azzjonijiet Industrijali fil-MEPA 

5 ta’Frar, 2010

It-Taqsima Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UHM) ordnat azzjonijiet industrijali fil-MEPA.  Dan wara laqgħa mal-ħaddiema kollha tal-MEPA fejn b’vot unanimu ġie milħuq qbil li kellhom jidħlu azzjonijiet fis-seħħ b’mod immedjat.  Fil-fatt dawn l-azzjonijiet bdew il-hamis, 4 ta’ Frar. 

L-azzjonijiet ittieħdu wara li l-maniġment wera atteġjament arroganti fil-konfront tal-ħaddiema kemm f’dak li għandu x’jaqsam l-operat tax-xogħol normali, kif ukoll fil-każ tal-proċess tar-riforma.  L-UĦM kemm-il darba rrimarkat maċ-Chairman tal-MEPA dwar numru ta’ sitwazzjonijiet li permezz tagħhom kienu qed jippruvaw inaqqru d-drittijiet tal-ħaddiema, kemm fuq livell individwali u kif ukoll dak kollettiv. 

Minkejja li dawn is-sitwazzjonijiet ġew diskussi u s-soluzzjonijiet madwar il-mejda nstabu, l-maniġment baqa’ jkaxkar saqajh u ma jimplimentax s-soluzzjonijiet miftehma. Aktar minn hekk il-Union tirrimarka nuqqas ta’ konsultazzjoni fil-proċess tar-riforma fejn ħaddiema qed jiġu ordnati jittrasferixxu rwieħhom lejn entitajiet pubbliċi oħra bla għarfien ta’ liema kundizzjonijiet tax-xogħol ser iġorru magħhom u bla ebda ftehim milħuq ma’ din il-Union.

Intant il-UĦM ordnat sabiex b’effett mill-lum jidħlu fis-seħħ dawn l-azzjonijiet li ġejjin:
Ma jittieħdux telefonati jew emails
Ma jsirux photocopying sevices u binding
Ma jingħatax servizz mill-“Mapping shop”
Ma jiġux ipproċessati transazzjonijiet ta’ flus
Ma jinħarġux ċertifikati ta’ Compliance għat-talbiet li jsiru wara d-data tal-4 ta’ Frar.
Ma jsirux laqgħat ma’ Bordijiet tal-MEPA u DCC jsiru wara d-data tal-4 ta’ Frar.
Ma jsirux laqgħat la mal-Pubbliku Ġenerali, ma’ professjonisti, ma’ rapprezentanti ta’
Entitajiet Pubbliċi u Privati u lanqas ma’ Ministri, Segretarji Parlamentari u rappreżentanti tagħhom.
Ma jiġux proċessati consignment notes għal kull forma ta’ skart
Ma jiġux proċessati applikazzjonijiet taħt id-direttiva CITES. 

Dawn l-azzjonijet industrijali se jibqgħu fis-seħħ sakemm il-maniġment ma jilħaqx ftehim mal-Union dwar ir-riforma u jindirrizza l-atteġjament tiegħu fil-konfront tal-ħaddiema kemm fuq livell individwali u kif ukoll kollettiv

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com