Katigoriji ohra
 
 

Mintoff iżur iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

5 ta’ Dicembru, 2009

L-eks-Prim Ministru Dom Mintoff ilbieraħ għamel żjara fiċ-Ċentru Naz­zjonali Laburista l-Ħamrun. Din kienet l-ewwel darba li Mintoff f’dan il-bini li ilu jservi ta’ kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995.

Iż-żjara ta’ Dom Mintoff seħħet wara stedina miftuħa li l-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat kien għamillu perso­nalment ġimgħa wara l-elezzjoni tiegħu f’Ġunju 2008.


Dr Muscat kien qal li l-bibien taċ-Ċentru Nazzjonali Labu­rista huma miftuħin għal Mintoff bħalma huma miftuħin għal kulħadd u stiednu biex meta saħħtu tippermettilu jagħmel żjara. Minn dakinhar, il-Perit Dom Mintoff kien attenda għal parti miċ-ċele­b­razzjonijiet tat-30 sena ta’ Jum il-Ħel­sien organizzati mill-PL fil-Birgu.

Mintoff intlaqa’ fiċ-Ċentru minn Joseph Muscat imbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju ta’ Dr Muscat. Waqt din il-laqgħa, Mintoff iddaw­war mal-bini tal-kwartieri, akkumpanjat mid-Deputat Mex­xej Laburista Toni Abela, il-President Stefan Zrinzo Azzopardi, diversi ħaddiema u volontieri.

Huwa ntwera t-tħejjijiet li qegħdin isiru għall-maratona tal-ġbir ta’ fondi li se ssir bħal nhar il-Ħadd ġimgħa u t-tħejjijiet għall-attivitajiet li se jsiru matul il-ġimgħa d-dieħla fl-okkażjoni tal-35 sena ta’ Malta Repubblika.

Fost il-postijiet li żar kien hemm is-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Hemmhekk, il-Perit Mintoff irrakkonta tifkiriet tiegħu ta’ laqgħat ġenerali ta’ snin mgħoddija fil-Freedom Press.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com