Katigoriji ohra
 
 

Il-PL iwaqqaf il-Business Forum

4 ta’ Jannar, 2010

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat nieda l-Business Forum fi ħdan il-Partit Laburista li se jkun forum ta’ komunikazzjoni mal-komunità kummercjali fejn persuni involuti fil-qasam tan-negozju, l-intra­priża u self-employed jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom dwar x’potenzjal qegħdin jaraw fil-qasam tan-negozju, li jista’ jwassal għal tkabbir eko­no­mi­­ku.

Il-Business Forum tal-Partit Laburista se jkun qiegħed jitmexxa minn Marlene Mizzi, intraprendittriċi ta’ suċċess li kkontestat għall-elezzjonijiet tal-Par­lament Ewropew mal-Partit Laburista.

Joseph Muscat sostna li dan il-Business Forum se jkun qie­għed jiddjagola mal-komunitajiet kummerċjali u se jkun ukoll sezzjoni li jkollu sehem fit-tfassil ta’ politika u ideat tal-Partit Laburista u li jkunu inklużi fl-istrateġija dwar in-negozju u l-ekonomija.

Il-Business Forum se jkun ukoll il-forum fejn persuni fil-qasam tan-negozju jsibu vuċi u persuni b’esperjenza li lesti li jisimgħu l-ideat tagħhom.

Is-sehem tal-Partit Laburista fil-qasam tan-negozju u s-self employed kien dejjem viżibbli u huwa settur li ngħata profil nazzjonali minn Gvern Laburista bi twaqqif ta’ segretarjat, li iżda taħt l-amministrazzjoni pre­żenti ma tkomplix.

Il-Mexxej Laburista Joseph Mus­cat qal li dan huwa forum li se jagħti lok għal diskussjoni bejn gvern prospettiv u persuni fin-negozju li huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Qal li b’mod regolari l-forum se­ jkollu laqgħat ta’ konsul­tazzjoni ma’ kull tip ta’ investitur.

Dr Gavin Gulia, Kelliem għall-Ekonomija u s-Self-Employed, se jkun il-kelliem Parlamentari li se jkun qiegħed jagħti sostenn u parti minn dan il-Forum.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com