Il-bidliet iridu jsiru fuq ħafna livelli differenti: bidliet fl-eżamijiet li biex jirnexxu jrid ikun hemm bidliet fil-metodi tat-taghlim, fis-sillabi, fil-kotba u fil-materjal edukattiv li tuża fil-klassi, irid ikun hemm bidliet fir-rabta bejn it-tfal u l-għalliema u fir-rwol tal-għalliema u t-tmexxija tal-iskola, irid ikun hemm bidliet fir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal …għandna bżonn ta’ kultura iżjed demokratika u miftuħa għax mingħajr kreattivita` u innovazzjoni ma jistax ikollok edukazzjoni tajba. Il-bidliet li qed iseħħu fil-primarja jridu jseħħu wkoll fis-sekondarja u allura l-bidliet fl-eżami tal-Junior Lycum u l-bidliet fis-sillabu u l-kurrikulu tal-primarja jridu jiġu akkumpanjati minn bidliet fl-eżamijiet, fis-sillabi u l-kurrikulu tas-SEC u l-Matsec. Dan ma jistax jibqa’ jsir bl-iskossi u bil-biċċiet, imma bi pjan strateġiku ċar minn qabel l-implimentazzjoni.
In-nuqqas ta’ ppjanar serju għax baqa’ qatt ma tfassal u twettaq pjan ta’ implimentazzjoni serja tar-riformi edukattivi issa qed iħalli l-effetti koroh tiegħu. It-tħejjijiet meħtieġa biex tirnexxi l-bidla bit-tneħħija tal-eżami tal-Junior Lyceum u d-dħul ta’ eżami ġdid nazzjonali qed isiru tard wisq, mhux f’ordni u bla ppjanar minn qabel. It-tfal li se jagħmlu dan l-eżami ftit xhur oħra u l-għalliema u l-ġenituri tagħhom ma ġewx ippreparati biżżejjed għal dan il-pass. Il-preparazzjoni hija ftit wisq u hija tard wisq. Min ħareġ bl-idea li lill-ġenituri ninformawhom f’nofs sena skolastika u ħmistax qabel l-eżamijiet ta’ nofs is-sena? Dan messu sar qabel bdiet is-sena skolastika u mhux f’nofsha.
Il-Partit Labaurista jemmen ukoll li biex dan l-eżami nazzjonali maħsub biex ikejjel il-kisba tal-ħiliet tat-tfal fi tmiem l-edukazzjoni primarja tagħhom għandu jsir mhux biss fl-iskejjel tal-Istat iżda wkoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti, il-bqija mhux se jkun nazzjonali. Jekk dan l-eżami suppost se jservi biex ikejjel x’ħiliet kisbu t-tfal mis-sillabi u l-kurrikulu nazzjonali li jgħodd għall-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, anki dan l-eżami għandu jkun għat-tfal kollha fl-iskejjel kollha tal-gżejjer tagħna.
In-nuqqas ta’ ppjanar serju strateġiku jidher ċar minn kif bħalissa l-uffiċjali edukattivi, u l-kapijiet tad-dipartimenti jinsabu għaddejjin f’ġirja sfrenata jaħdmu kontra l-ħin fuq is-sillabi tal-ewwel sena tas-sekondarja. Huma rrabbjati u konfużi kemm għax tħallew fil-għama sa ftit jiem ilu u għax il-qafas tal-kurrikulu nazzjonali (National Curriculum Framework) li kellu joħroġ f’Novembru 2009 għadu ma ħariġx. Għad irid joħroġ. Għad trid issir dik li għal dan il-Gvern hija konsultazzjoni pubblika dwaru. Sadattant suppost saru diġa’ s-sillabi f’dan il-qafas u allura issa qegħdin fis-sitwazzjoni kaotika fejn is-sillabi li qed jitfasslu bħalissa bl-għaġla jistgħu jerġgħu jinbidlu għax ma jkunux skont il-qafas tal-kurrikulu nazzjonali li għad irid joħroġ u jkun adottat.
Minħabba li m’hemmx pjan starteġiku ċar ta’ implimentazzjoni l-bidliet qed ikunu bl-iskossi, sporadici u dejjem tard, bl-għaġġla u ta’ malajr... ix-xogħol qed isir wisq bil-biċċiet. Nistgħu nagħtu għexieren ta’ eżempji prattiċi. Sentejn ilu tneħħa l-istreaming mill-klassijiet 5 u 6 u l-għalliema tħallew lampa stampa ... bl-istess sillabi, bla aktar taħriġ kontinwu .... Issa malajr malajr qed ikunu riveduti s-sillabi tal-Form 1 ... f'iżolament u maqtugħin mill-kuntest skolastiku li jibda mill-Kinder 1 sal-Form 5 u wara. Il-kapijiet tal-iskejjel qed jilmentaw ħafna għaliex innotaw li d-Direttorat tal-Kwalita' u l-Istandards fl-Edukazzjoni ma ppreparax biżżejjed fuq it-tħaddim ta' l-eżami l-ġdid li qed jiddaħħal minflok tal-Junior Lyceum. L-ewwel tfasslu l-eżamijiet il-ġodda u mbagħad, dan l-aħħar, fuq pressjoni li qisha saret internament, ittieħdet id-deċiżjoni li jkunu riveduti s-sillabi tal-Form 1, u peress li x-xogħol irid isir fi żmien qasir ħafna, ma setgħux isiru r-reviżjonijiet tas-sillabi la tal-primarja u l-anqas tal-Forms 2 sal-5. Il-kapijiet tal-iskejjel jilmentaw li mhux qed ikollhom hin ikunu mexxejja edukattivi tal-iskejjel taghhom ghax iqattghu hafna hin f’xoghol amministrattiv mhux edukattiv u f’hafna laqghat. Il-kuntratt tal-Principali tal-Kulleggi wasal biex jiskadi u ma jafux x’se jigri minnhom. Principal wiehed irtira u min se jehodlu postu ghadu bla konferma u ghalhekk ghandna kullegg bla principal.
Il-kapijiet, l-għalliema u l-ġenituri qed jitħallew fil-għama kif se jkunu mqassma fil-klassijiet l-istudenti fl-iskejjel sekondarji tal-Istat mis-sena skolastika 2011-12. Li tgħaqqad flimkien tfal li qabel kienu jinfirdu f’area secondary schools u f’Junior Lyceums hija bidla kbira ħafna li biex tirnexxi mhux propaganda u kliem sabiħ trid, imma trid ħafna ppjanar serju, ħafna taħriġ u ħafna riżorsi biex l-għalliema jkunu jistgħu jilħqu t-tfal fid-diversita` kollha tagħhom.
Il-Partit Laburista huwa kontra l-prattika tal-iskossi u tal-biċċiet, kontra n-nuqqas ta’ ppjanar u kontra kif qed jiddaħħlu r-riformi. Il-Partit Laburista huwa kontra l-inċertezza fejn ma nafux x’imiss wara l-biċċiet li jersqu bihom id-Direttorati u l-Ministeru. Minħabba li m’hemmx tħejjija tajba, qed tiżdied il-pressjoni żejda fuq l-iskejjel tagħna. Nittama li għal li ġej dan ma jkomplix isir.
In-nuqqas ta’ ppjanar, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni flimkien man-nuqqas ta’ riżorsi u n-nuqqas ta’ tmexxija strategika min-naha tal-Ministru Dolores Cristina qed ipoġġu fil-periklu r-riformi edukattivi kollha li qed isiru u jdawru kontra tagħhom lill-għalliema u lill-ġenituri. Meta ħames snin ilu bdiet titħaddem is-sistema tal-kulleġġi suppost li dak li sar fil-Kulleġġ San Benedittu kellu jservi ta’ proġett pilota biex nitgħallmu minnu u nsaħħu dak li sar pożittiv u jitneħħa n-negattiv. Iżda sa llum baqgħet qatt ma saret riflessjoni serja fuq dik l-esperjenza u baqa’ mistur dak li ġara hemm. Jekk ir-riformi ma jkunux ippjanati sew u ma jkunux implimentati bil-għaqal fi stadji differenti fuq medda ta’ żmien, ifallu. Dak il-periklu li hemm bħalissa.
Edukazzjoni tassew inklussiva u li tilħaq tajjeb id-diversita` ta’ studenti titlob metodi ta’ tagħlim apposta, bidla fil-mentalita` tal-għalliema u l-ġenituri, kultura iżjed demokratika u parteċipattiva fl-iskola u fil-klassi, sillabi addattati u riżorsi adekwati biex tirnexxi. Ħafna minn dawn il-fatturi ta’ suċċess huma bħalissa neqsin fir-riformi preżenti. Riformi mhux ippjanati tajjeb u mhux implimentati tajjeb u mhux appoġġjati bir-riżorsi meħtieġa jwasslu biss biex jaqgħu l-istandards u biex idawru lill-għalliema u lill-ġenituri kontra tagħhom.
Għad jonqos sillabi ġodda fl-iskejjel sekondarji, għadhom iridu jsiru sillabi ġodda għall-eżamijiet SEC u allura se jkun hemm kaos sħiħ x’se jkunu qed jitgħallmu l-istudenti fl-iskejjel sekondarji mis-sena skolastika li jmiss. Għadu lura hafna l-iżvilupp professjonali u t-taħriġ meħtieġ għall-uffiċjali edukattivi, kapijiet u għalliema u s-sitt xhur li fadal għas-sena skolastika l-ġdida żgur li m’humiex biżżejjed biex jintrebaħ iż-żmien prezzjuż li ntilef. Metodi ta’ tagħlim, mentalitajiet u kulturi edukattivi mibnija fuq snin twal mhux se jinbidlu b’sempliċi 20 siegħa ta’ taħriġ, jew b’laqgħat ta’ sagħtejn.
Ir-Riforma qed tissogra wkoll li b’dak li qed isir u kif qed isir, uliedna ma jirnexxux ilkoll. Uliedna kollha għaddejjin mir-riforma, imma huwa għajb għall-Ministru Cristina u l-Gvern li qed issir preferenza ma’ tfal u jitwarrbu tfal oħra. Anke hawn nista’ nagħti ħafna eżempji. Insemmi l-iskejjel il-ġodda. It-tfal kollha għandhom l-istess faċilitajiet u ambjent fl-iskejjel tagħhom? L-iskejjel fil-Kulleġġi kollha qed ikunu stmati l-istess, jew skejjel f’xi distretti huma ppreferiti minn oħrajn? Anke hawn, ma kienx u m’hemmx ippjanar.
Biex ir-riformi jirnexxu hemm bżonn ta’ iżjed riżorsi, riżorsi li m’humiex qed jingħataw fil-budget 2011. Hemm bżonn ta’ iżjed appoġġ għall-iskejjel biex jilħqu d-diversita` ta’ studenti fi ħdanhom u biex l-għalliema jedukawhom b’mod effettiv. Hemm bżonn ta’ riflessjoni serja dwar x’bidliet saru s’issa u x’passi jmiss, x’hemm bżonn għalihom biex jirnexxu u meta se jsiru. Dan hu x-xogħol taż-żewġ Direttorati li twaqqfu bħala parti mir-riforma. Riformi li jfallu jagħmlu ħafna ħsara lit-tfal milquta u jitfgħu lura l-progress tant meħtieġ fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, ġaladarba l-Gvern ma fehemx anzi qed japprofitta mir-rieda tajba tal-Partit Laburista biex ir-riforma tirnexxi, l-Partit Lburista ser jibqa’ jsegwi kull żvilupp u ser ikun kritiku aktar. Il-Partit Laburista japprezza l-isforzi kollha li qed isiru mill-individwi biex ikollna skejjel tajbin. Il-Partit Laburista ser jaħdem ħafna wkoll biex tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fl-edukazzjoni f’pajjiżna.