Katigoriji ohra
 
 

Il-mozzjoni Parlamentari Laburista kontra
t-tariffi tad-dawl u l-ilma ma tgħaddix:
IL-GVERN JITTRADIXXI LILL-POPLU

3 ta’ Marzu, 2010

Minkejja li eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin inġab­ru għal darbtejn fuq xulxin fit-toroq prinċipali tal-Belt fl-aħħar jumejn, il-Gvern Nazzjonalista tard ilbieraħ filgħaxija għażel xorta waħda li fil-kwistjoni tad-dawl u l-ilma jħalli lill-maġġoranza tal-ħaddiema, il-familji tagħhom u pensjonanti jfendu għal riħ­hom.

B’kumbinazzjoni għal riħha wkoll kienet il-bandiera Maltija fuq Kastilja (rit­ratt) riżultat tar-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin, li, iżda, xorta ma qatax qalb l-eluf li reġgħu wieġbu għat-tieni sejħa tal-Għaqda Unions Maltin (GħUM) ilbieraħ waranofsinhar.


Kif kien mistenni lbieraħ fil-Parlament, li kien qed jerġa’ jiltaqa’ wara waqfien ta’ tliet ġimgħat, tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista biex jiġu rtirati t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma kif imposti bla ebda konsultazzjoni mill-1 ta’ Jannar li għadda u li skont l-istudju, li ġie kkummissjonat mill-istess GħUM, jirriżulta li huma 3% ogħla minn dawk rekord ta’ Ottubru 2008 meta l-prezz inter­nazzjonali taż-żejt ironikament kien ogħla minn tal-lum.

Minkejja dan, in-naħa tal-Gvern ivvotat kollha kontra biex il-mozzjoni m’għaddietx b’35 vot kontra u 34 vot favur.

Fl-ewwel reazzjoni tal-GħUM wara l-vot Parla­mentari, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb qal li lbieraħ il-poplu Malti u Għawdxi ġie ttradut bil-vot tal-Gvern. “Il-membri tal-Gvern aġixxew ta’ Ġuda quddiem it-tbatijiet tal-poplu,” saħaq Zarb, waqt intervent qasir matul il-programm “Bondi+” tard ilbieraħ filgħaxija fuq TVM. “Issa bħala Għaqda Unions Maltin irridu niddiskutu x’se jkun il-pass ’il quddiem tagħna wara r-riżultat tal-lum (ilbieraħ),” temm jgħid is-Sur Zarb.



Il-Gvern jivvota kontra l-mozzjoni

Il-mozzjoni Laburista biex ikunu revokati t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma, liema mozzjoni kienet diskussa l-bieraħ, ma ġietx approvata wara li l-membri kollha għan-naħa tal-Gvern ivvotaw kontriha. Il-vot li ttieħed tard ilbieraħ filgħaxija kien dak ta’ 35 kontra l-mozzjoni u 34 favur. Id-dibattitu tal-bieraħ dwar it-tariffi l-ġodda, kien ikkaratterizzat mill-assenza tal-back ben­ch­ers Nazzjonalisti, li m’għamlu ebda intervent fuq il-mozzjoni.

Is-seduta tal-bieraħ reġgħet tat bidu għall-ħidma tal-Parlament Malti, wara li dan kienu ilu wieqaf għal xejn inqas minn tliet ġimgħat. Il-waqfien seħħ min­ħabba l-biża’ li l-Gvern jista’ jitlef xi vot fil-Parlament peress li l-Ministru għall-Politika Soċjali, John Dalli kien inħatar Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern kien qed jiffaċċja nuqqas ta’ qbil minn diversi deputati dwar kwistjonijiet varji fosthom il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u r-riforma fil-kura primarja. Fil-kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra din il-kwistjoni kienet trattata u kien hemm qbil li l-Parlament jiltaqa’ wara li jintemm il-proċess li bih jiġi elett id-deputat il-ġdid. Fil-fatt il-bieraħ fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista ġdid, it-Tabib Peter Micallef ħa l-ġurament tal-kariga fejn hu kien qed jimla’ l-post vakanti minn John Dalli. Fl-istess seduta ġie mfakkar l-eks-Ministru George Bonello du Puis, li miet nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Frar.

Il-mozzjoni Laburista mressqa mid-Deputat Laburista, Joe Mizzi tgħid li “din il-Kamra tinnota li l-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Telekomunikazzjoni poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra Avviż Legali 34 tal-2010: ‘Att li jirrigwarda l-Enemalta (Kap 272): Regolamenti tal-2008 li jemendaw ir-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku’ u Avviż Legali 36 tal-2010: ‘Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Kap 423): Regolamenti tal-2010 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma’;

Titħasseb bis-sitwazzjoni eko­nomika u soċjali diffiċli li bħalissa qed iħossu l-familji u n-negozji f’pajjiżna, liema sitwazzjoni hija prinċiparjament l-effett ta’ deċiżjonijiet meħudin minn dan il-Gvern fi żmien meta l-qagħ­da ekonomika internazzjonali tirrikjedi politika li tistimula b’mod għaqli l-ekonomija u ma tkomplix tgħabbiha bi spejjeż żejda, speċjalment dawk li ġejjin mill-ineffiċjenzi tal-monopolji statali kkonċernati;

Tinnota li dawn id-diffikulta­jiet ekonomiċi se jkunu qed jiżdiedu bil-piżijiet taż-żidiet fit-tariffi mħabbrin f’dawn l-Avviżi Legali;

Tagħraf li dawn iż-żidiet fit-tariffi qegħdin ipoġġu fil-periklu postijiet tax-xogħol fi żmien meta l-ekonomija tagħna teħtieġ li tirkupra malajr mis-sitwazzjoni preżenti;

Tfakkar li parti miż-żidiet kontemplati fl-Avviżi Legali huma maħsubin biex jagħmlu tajjeb għall-ineffiċjenzi li jirriżultaw mill-mod ta’ kif qed jiġu mmexxijin monopolji statali konċernati, minħabba kalkoli tekniċi ta’ Return on Capital Employed li tefgħu aktar piż fuq il-familji u negozji, kif ukoll minħabba assunzjonijiet żbaljati li saru mill-persuni responsabbli fix-xhur li għaddew;

Tinnota li kien hemm għadd ta’ diskrepanzi u nuqqas ta’ informazzjoni ċara u pubblika fil-figuri differenti mogħtija mill-Gvern u mill-awtoritajiet matul ix-xhur li għaddew, fosthom dwar il-mod kif inħadmu dawn it-tariffi, ix-xiri ta’ żejt u l-operat tal-monopolji statali konċernati;

Tinnota li permezz ta’ dawn l-Avviżi Legali qed jiġi formalizzat id-dħul tal-kunċett ta’ Taxxa fuq id-Drenaġġ;

Titħasseb li dawn l-Avviżi Legali ġew ippubblikati filwaqt li l-Gvern qed jgħid li qed jikkonsulta mal-imsieħba soċjali, liema konsultazzjoni ma saritx qabel ma daħlu fis-seħħ iż-żidiet fit-tariffi;

Tikkonsidra li anke meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-kumpens li l-Gvern qal li se jagħti lill-familji, dan xorta se jħalli lill-istess familji jiffaċċjaw prattikament l-istess livelli rekord ta’ tariffi mħabbrin f’Ottubru 2008 meta l-prezz taż-żejt kien saħansitra ogħla;

Titħasseb li t-tariffi mħabbrin għal negozji u industrija huma l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u li dan il-fatt ixekkel lil dawn in-negozji milli jirkupraw mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, u saħansitra jipperikola postijiet tax-xogħol eżistenti;

Tqis li fil-kuntest ta’ dan kollu, dawn l-Avviżi Legali huma anti-soċjali, jimminaw l-ekonomija u x-xogħol, u għax se jgħabbu lill-familji u negozji b’piżijiet akbar li se jkollhom impatt qawwi fuq il-livell tal-għixien u l-kompetittività ta’ pajjiżna.

Għaldaqstant, din il-Kamra tesiġi li Avviż Legali 34 tal-2010: ‘Att li jirrigwarda l-Enemalta (Kap 272): Regolamenti tal-2008 li jemendaw ir-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku’ u Avviż Legali 36 tal-2010: ‘Att dwar l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (Kap 423): Regolamenti tal-2010 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Fornitura tal-Ilma’ għandhom jiġu revokati u għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex pajjiżna jibda joħroġ mis-sitwazzjoni li nġab fiha.”

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com