Huwa kien staqsa dwar x’kienu r-raġunijiet li Malta ngħatat daqstant żmien qasir meta kien qed ikun ipproġettat li kawża tal-kriżi globali l-ekonomija xejn ma kienet se tkun f’qagħda tajba li tirpilja matul is-sena 2009 u fl-ewwel nofs tas-sena 2010.
Il-Professur Scicluna kien saħaq li fi żmien meta l-ekonomiji tal-istati membri kollha tal-UE kienu qegħdin jesperjenzaw daqstant diffikultajiet, Malta kellha tingħata żmien itwal biex tirranġa d-defiċit eċċessiv tagħha.
L-Ewroparlamentari Laburista kien semma’ s-sena 2013 – kif kien qed ikun issuġġerit mill-Fond Monetarju Internazzjonali – bħala aktar adattata biex il-Gvern Malti jkun jista’ jwettaq pakkett ta’ stimolu effettiv biex isalva l-impjiegi u jistimula l-investiment.
Intant f’deċiżjoni li tat il-bieraħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet effettiva l-azzjoni meħuda minn Malta wara r-rakkomandazzjonijiet li sarulha f’Lulju 2009.
“Minkejja dan, b’riżultat tal-fatt li l-impatt tal-kriżi globali fuq l-ekonomija kien akbar minn dak mistenni mit-tbassir tar-rebbiegħa tas-sena li għaddiet, il-qagħda baġitarja kienet effettwata b’mod li ma taqax taħt il-kontroll tal-gvern.
B’riżultat ta’ dan, iż-żmien li Malta ngħatat sal-2010 biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha ma baqax wieħed realistiku,” qalet il-Kummissjoni.
Għalhekk, il-Kummissjoni rrakkomandat li dan iż-żmien għandu jiġi estiż b’sena sal-2011. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Maltin din is-sena għandhom jilħqu l-mira li jżom-mu d-deficit fil-livell ta’ 3.9 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku kif stabbilit fil-baġit, u jekk ikun neċessarju jadottaw miżuri oħrajn ta’ konsolidazzjoni, waqt li jassiguraw sforz fiskali ta’ tliet kwarti ta’ punt perċentwali tal-Prodott Gross Domestiku.