Il-qofol taż-żjara waslet billi l-President inawgura “Ġnien iż-Żgħożija” li jinsab fl-inħawi ta’ Ġebel San Martin. F’dan il-ġnien hemm in-nursery tal-futball taż-Żejtun fejn il-Kap tal-Istat, akkumpanjat mis-Sindku Joe Attard, tkellem mat-tfal, kowċis u ġenituri. F’dan il-ġnien hemm ukoll faċilitajiet għar-roti, bandli, futbol u rikreazzjoni kif ukoll funtana.
Il-President u martu ngħataw merħba minn żewġ żgħażagħ, Dejan Darmanin u Kylie Fenech li għandha għaxar snin. It-tnejn li huma wrew l-apprezzament għal dan il-ġnien. Kylie qalet li dan huwa post ideali fejn it-tfal jistgħu jieħdu pjaċir f’ambjent mill-isbaħ. Hija appellat biex kulħadd jagħmel l-aħjar użu minnu mingħajr ma ssir ħsara.
“Nixtieq inwassal ukoll appell li qegħdin nagħmlu aħna ż-żgħar lilkom il-kbar. Ilkoll tafu li qiegħdin ngħixu f’arja mniġġsa li qiegħda tagħmel ħafna ħsara speċjalment lilna ż-żgħar. Nafu li hawn min qiegħed jagħmel ħiltu biex ikollna arja aktar nadifa, iżda żgur li jista’ jsir ferm u ferm aktar biex il-kwalità tal-arja titjieb,” appellat Kylie.
It-tfajjel Dejan appella biex il-ħajja titħalla nadifa u dawk li jridu l-ħsara ma jersqux ’l hemm. “Għandna nistmerru lil dawk li jkunu madwarna biex iwaqqgħuna fil-vizzju tad-droga,” qal Dejan.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun qal li din hija ġurnata memorabbli għal kulħadd li wara xhur ta’ ħidma bejn il-Kunsillieri kollha u l-kuntratturi dan il-ġnien issa jista’ jitkompla jitgawda minn kulħadd. Huwa wissa lil kull min se jmur hemm biex jabbuża jew jagħmel xi ħsara, li se jkun hemm min se jkun għassa għalihom.
Fid-diskors tiegħu l-President Abela qal li ż-Żejtun għandu popolazzjoni ta’ madwar 12,000 persuna, imma mhux in-numru li huwa importanti iżda l-qalb taż-Żwieten li taw laqgħa mill-isbaħ.
Huwa ħa spunt mid-diskorsi ta’ Kylie u Dejan u appella lill-Pulizija biex jissorveljaw il-post biex ma jkunx hemm abbużi u ħsarat. Appell ieħor li għamel il-President ta’ Malta kien dwar it-tinda li hemm f’nofs il-ġnien biex din tiġi miksija bil-pannelli volotovoltajiċi biex tkun ġenerata l-enerġija mingħajr ebda ħsara għall-ambjent.
Wara dawn id-diskorsi l-President kixef irħama kommemorativa li ġiet imbierka mill-Arċipriet taż-Żejtun Dun Eric Overend. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Membri Parlamentari Carmelo Abela, Owen Bonnici u Stefan Buontempo, kunsillieri kif ukoll l-eks-deputat u eks-Ministru Laburista Wistin Abela.