Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Nhar it-Tnejn strajk ta’ siegħa mill-Kindergarten Assistants

Minn Josef Grech

L-MUT ġeddet l-ordni ta’ azzjoni industrijali lill-Kindergarten Assistants kollha li jaħ­dmu fl-iskejjel Primarji tal-iStat biex nhar it-Tnejn li ġej, 31 ta’ Jannar, jirraportaw għax-xogħol siegħa tard mill-ħin uffiċjali tal-ftuħ tal-iskola rispettiva tagħhom.

Fi stqarrija kien spjegat li dan se jkun il-bidu minn sensiela ta’ azzjonijiet industrijali li se tħabbar il-Union fil-ġimgħat li ġejjin peress li ma sar l-ebda progress dwar il-Kindergarten Assistants kollha li għamlu l-kors, bi spejjeż u sagrifiċċju, biex ikunu assimilati fil-grad ta’ Kindergarten 2.

Minkejja li l-korsijiet ilhom li ntemmu, uħud minn April 2010, dawn l-edukaturi baq­għu ma ġewx assimilati. Il-Gvern ukoll baqa’ ma rreklutax għadd ta’ Kindergarten Assistants li għaddew mill-interview ta’ Kindergarten Assistant 2 u ħallihom jaħdmu l-istess xogħol b’kundizzjonijiet inqas. Il-MUT saħqet li huwa tassew ta’ għajb li minkejja ftehim li sar bejn il-Union u l-Gvern fl-2009, dan il-ftehim baqa’ mhux onorat.

Dan qiegħed isir b’detriment għan-nies milqutin u b’nuqqas ta’ rispett lejn dawn l-impjegati li qegħdin jagħtu dak kollu possibbli biex l-edukazzjoni bikrija tkun ta’ suċċess.

Dan it-trattament hu eżempju ta’ kif id-djalogu soċjali jonqsu ħafna fejn jitjieb. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gradi kollha tal-għalliema qegħ­din ikunu mħeġġin juru s-solidarjetà ma’ sħabhom u ma jagħmlu l-ebda xogħol li b’xi mod jista’ jiġi interpretat bħala strike breaking. Il-Union qiegħda wkoll titlob lill-ġenituri biex jikkoperaw mal-għalliema ta’ wliedhom f’din il-kwistjoni.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com