Id-dejn jaqbeż l-€4 biljun |
Sal-aħħar ta’ Mejju li għadda, id-dejn li għamel il-Gvern Ċentrali kien diġà qabeż sew l-€4 biljun. Imqabbel ma’ kemm kien fl-aħħar ta’ Mejju 2009, id-dejn żdied b’10.6% jew b’€401.6 miljun biex ammonta għal €4,176,300,000. Fost ir-raġunijiet li waslu għal dan id-dejn, kien hemm l-imgħaxijiet imħallsin bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena li kienu jammontaw għal xejn inqas minn €90 miljun, 0.2 fil-mija aktar mill-2009.
Dan kollu seħħ minkejja li skont l-istatistika tal-NSO, id-defiċit tal-Gvern, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ, fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena naqas b’€6.2 miljun jew b’2.1 fil-mija biex ammonta għal €288.2 miljun.
|
|
Matul dan il-perjodu, id-dħul rikorrenti tal-Gvern żdied b’€37.9 miljun jew b’4.7% biex ammonta għal €849.2 miljun. Min-naħa l-oħra, in-nefqa totali ammontat għal €1,137.4 miljun, li jfisser żieda ta’ 2.9% jew €31.7 miljun. Fost dawn kien hemm żieda ta’ €9.3 miljun fl-ispiża kapitali.
Sadanittant f’Mejju li għadda l-ħajja għoliet b’0.17% li primarjament kienet dovuta għaż-żieda ta’ 2.06% fil-prezzijiet tal-ħwejjeġ u ż-żraben.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li fl-istess xahar għolew b’0.78% l-prezzijiet tal-ġojjellerija, b’0.41% t-trasport – l-iktar minħabba żieda fil-fjuwil u 0.06% żieda fis-saħħa dovuta l-iktar għaż-żieda fil-prezz tal-mediċini u ċertu kożmetiċi.
Min-naħa l-oħra roħsu b’0.46% l-prezzijiet tal-ikel, l-iktar minħabba tnaqqis fil-prezz tal-frott u t-tjur, kif ukoll b’0.16% l-prezzijiet ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni u kultura dovuti l-aktar għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-kompjuters.
Naqsu wkoll b’0.08% l-prezzijiet tax-xorb.
|
|