Said jiċħad li qal Sciriha |
Minn Josef Grech |
Il-President ta’ Floriana, Johann Said, ċaħad dak li qal il-President ta’ Valletta, Victor Sciriha, wara li dan tal-aħħar akkużah li qabel il-partita mmalafamah billi xlieh li “kellem” xi plejers ta’ Floriana tant li anke se jieħu wkoll passi legali kontrieh.
F’kuntatt ma’ dan il-ġurnal Said qal: “Niċħad dak li ntqal fil-konfront tiegħi għax fih ħafna ineżattezzi. Nikkonferma li tkellimt mat-tim maniġer tat-tim tiegħi, Vince Farrugia, li għalkemm irriżenja dak iż-żmien kien għadu jifforma parti mill-kumitat Furjaniż, wara li sirt naf li siegħat qabel il-finali ltaqa’ ma’ Sciriha. Safejn naf jien Farrugia u Sciriha ma kellhomx relazzjoni tajba bejniethom u ddejjaqt li l-laqgħa saret minn wara dahri. Mhux għax ma xtaqtx li t-tnejn jirranġaw id-differenzi anzi dejjem xtaqt li jirranġaw iżda ma ħassejtx li kienet etika u fil-mument opportun. Naħseb li anke Farrugia rrealizza dan u rriżenja”.
|
|
Dwar il-laqgħa ma’ uffiċjal għoli tal-MFA li kkonferma li kien il-kap eżekuttiv, Bjorn Vassallo, Said qal: “Nikkonferma li ltqajt ma’ Bjorn Vassallo għax fiċ-ċirkostanzi kif se seħħew l-affarijiet ridt li nispjegalu x’ġara siegħat qabel il-finali u nieħu parir iżda d-diskors bejnietna huwa ’l bogħob minn dak li qiegħed jiġi allegat”.
Finalment Said insista li l-kuxjenza tiegħu hija nadifa u filwaqt li jixtieq ikompli jgawdi s-suċċess miksub wara 17-il sena, lest jaħfer lil Victor Sciriha biex is-sitwazzjoni tinnormalizza ruħha.
|
|