Aġir ta’ missier deskritt
minn familtu bħala tirann u tal-waħx:
IL-“PADRE PADRONE” |
26 ta’ Jannar, 2010
F’deċiżjoni li tat dwar każ ta’ separazzjoni bejn koppja li żżewġu 30 sena ilu, il-Qorti għal darba tnejn iddeskriviet l-aġir tar-raġel fil-konfront ta’ martu u ż-żewġ uliedu bħala storja tal-waħx minħabba li fi kliemha kien jimxi ta’ tirann magħhom. Filwaqt li sejħitlu bħala “Padre Padrone” li jemmen li l-familja tgħix bil-karità tiegħu għax hu jmur jaħdem, żiedet tirrimarka l-isfortuna li dan l-atteġġjament fost l-irġiel illum il-ġurnata għadu aktar komuni milli effettivament naħsbu.
Minbarra l-fatt li anke minn eżami superfiċjali tal-provi rriżulta ċar ħafna dak li sostniet il-mara dwar żewġha, il-Qorti qalet li l-kontenut ta’ dak li rrakkontaw taħt ġurament kemm hi kif ukoll uliedha dwar dak li għaddew minnu, jista’ jissejjaħ “horror reading”, għax jirriżulta li għamlilhom ħajjithom miżerja. Minbarra li ġieli refa’ idejh fuq il-mara (li għamlet diversi rapporti mal-Pulizija, iżda dejjem kienet taħfirlu fil-Qorti) hu kien jimxi ta’ tirann magħhom, saħansitra billi ma kienx jippermettilhom li jagħmlu użu mill-elettriku u l-ilma għax fi kliemu dak iħallsu hu.
|
|
Iben il-koppja fil-fatt spiċċa biex tkeċċa darbtejn mid-dar u llum jgħix waħdu, anzi l-omm, meta telqet mid-dar għax ma felħitx aktar, kellha ssib refuġju miegħu. Anke l- atteġġjament tiegħu lejn bintu u żewġha minn dejjem kien wieħed ta’ ġlied u sfida għall-ebda raġuni.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti qalet li r-raġel m’għandux ikun sospriż li llum uliedu huma kontra tiegħu. Kompliet tgħid li l-atteġġjament u l-mod kif jaħsibha jidher ċar bil-mod kif kisser kollox fid-dar wara li l-Qorti kienet ordnatlu jiżgombra minnha, għax dehrilha li ma kienx ġust li huwa jgħix fid-dar waħdu u martu, għax imkeċċija, tibqa’ tgħix fl-iskomdu.
Ta’ min jgħid li wara li ġie deċiż mill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), il-każ imbagħad kien ġie eżaminat ukoll mill-ġdid mill-Qorti tal-Appell wara li r-raġel oġġezzjona li jingħata t-tort lilu talli ż-żwieġ sfaxxa. Imma anke din il-Qorti ddikjarat li hi konvinta li r-raġel kien isawwat lil martu kif ukoll lil uliedu u kien għamlilhom ħajjithom passjoni.
Qishom l-iskjavi tieghu
“Ilkoll qablu li kien aggressiv u kien juża mhux biss vjolenza fiżika fuqhom, imma anke vjolenza morali biex jiddegradahom u jittrattahom qishom l-iskjavi tiegħu. Il-bini tad-dar, il-klieb, il-karozzi u d-delizzji l-oħrajn tiegħu kienu aktar importanti mill-familja, u żmien għall-familja ma kellux. Ġew prodotti diversi rapporti li saru lill-Pulizija wara l-ġlied li kien jinqala’ u feriti li ġarrbet il-mara. Ir-raġel kien anke ġie kkundannat mill-Qorti Kriminali u marbut biex ma jimmolestax lil martu u lill-familja.”
Żied jingħad li kien minħabba l-imġieba ħażina u insapportabbli tiegħu, li l-mara kienet kostretta, kontra r-rieda tagħha, li titlaq mid-dar matrimonjali u ssib refuġju għand uliedha li wkoll ġew imkeċċijin minn missierhom.
L-omm marret diversi drabi lura d-dar biex tiġbor ħwejjiġha, anke akkumpanjata mill-Pulizija, iżda żewġha ma daħħalhiex. Saħansitra spiċċa biex biddel is-serratura tad-dar u tal-garaxx biex żgur l-omm u binha ma jkollhomx aċċess għad-dar fejn baqa’ jgħix waħdu, u għal xi żmien anke ma’ mara oħra li kellu relazzjoni magħha, sakemm ġie ordnat jiżgombra mill-Qorti.
Il-Qorti tal-Appell spjegat li dawn iċ-ċirkostanzi juru li l-mara m’abbandunatx id-dar matrimonjali liberament, kif allega żewġha, iżda mġiegħla minnu tagħmel hekk minħabba l-aġir aggressiv tiegħu u minħabba s-sigurtà tagħha u ta’ wliedha.
Ħareġ ukoll li sa mill-bidu tal-ħajja miżżewġa r-raġel qatt ma ta xejn mill-paga lil martu. Dan irriżulta minn dak li qalet binthom meta spjegat kif ommha kellha taħdem bilfors minħabba d-dejn li kienu tgħabbew bih, u peress li missierha ossessjana ruħu biex jibni post u li kien anke jikkonsidrah tiegħu.
“Ommi ħarġet taħdem għax missieri ried bilfors jibni post u għalhekk kellhom jissellfu mill-bank u mill-paga tiegħu kien iħallas il-‘loan’ u mill-pagi ta’ ommi konna ngħixu.
Bilfors kellha toħroġ taħdem għax missieri kien jirrifjuta li jgħaddilha flus għall-ħajja u biex trabbina. Minn meta beda jibni l-post beda jossessjona ruħu bih u dejjem jgħid li l-post huwa tiegħu biss.”
|
|