Irrimarka wkoll li t-tisħiħ tal-familja huwa dmir kemm tas-soċjetà inġenerali kif ukoll tal-Gvern. Saħaq fuq l-importanza li l-politika tkun indirizzata biex tissaħħaħ il-familja.
Qal mill-ħamsinijiet ‘l hawnl ir-rata li biha qed titbiddel il-familja Maltija u l-familja fl-Ewropa żdiedet. Il-kuntest li fih qed tiżviluppa l-familja qed jinbidel ukoll u dan qed iġib miegħu sfidi ġodda li jġibu magħhom bżonnijiet speċifiċi.
Qal li fost it-tidbil li wieħed jista’ jinnota fil-familji hi, li qed jitwieldu anqas tfal, qed jitwieldu aktar tfal barra ż-żwieġ, il-koppji qed idumu aktar biex jibda jkollhom it-tfal, qed jinfirdu aktar familji, qed ikun hemm aktar tfal imrobbija minn ġenitur wieħed, u hemm aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Saħaq li dan it-tibdil qed ikollu effett fuq it-trobbija tat-tfal u fuq il-ħajja li qed jgħixu fiha t-tfal tagħna.
Żied jgħid li Malta minn dejjem kienet kburija bil-familji sodi u responsabbli li wettqu dmirijiethom lejn il-membri vulnerabbli tal-familji bħat-tfal u l-anzjani, u saħaq li dan il-Gvern iħossu responsabbli li jwettaq dak li hemm bżonn biex il-familji jkunu jistgħu jkomplu r-rwol tagħhom fis-soċjetà.
“Jiena nemmen li flimkien, aħna nistgħu naffaċjaw l-isfidi li ġejjin mit-tibdil li għaddejja minnu l-familja” saħaq John Dalli, filwaqt li appella għal sforz ġenwin u qawwi bejn il-forzi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha biex il-familja f’pajjiżna tkompli tissaħħaħ billi nagħmlu għażliet responsabbli li jħarsu lejn il-ġejjieni tal-familji tagħna.