Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Il-liġi tal-koabitazzjoni ma tipproteġix lis-separati
– Dr Deborah Schembri

Minn Josef Grech

Iċ-Ċerpersin tal-Moviment Iva għad-Divorzju, Iva għaż-Żwieġ Deborah Schembri l-bieraħ saħqet li l-persuni separati li jkunu qegħdin jgħixu ma’ persuna oħra mhumiex se jkunu protetti bil-liġi tal-koabi­tazzjoni.

Hekk kif ilbieraħ kompliet bil-kampanja tar-referendum, l-Avukatessa Schembri qalet li sal-lum għadna ma nafux x’fih l-abbozz tal-liġi dwar il-koabi­tazzjoni madanakollu ma jistax ikollok liġi tal-koabitazzjoni li tkun bħal dik taż-żwieġ għax inkella tkun qiegħed ix­xejjen dan tal-aħħar.

Schembri qalet li lanqas il-benefiċċji tat-taxxa għal dawk li jkunu jikkoabitaw mhux se jkunu bħal dawk tal-miżżewġin u s-separati li jkunu jgħixu mas-sieħeb mhux se jkollhom dritt għas-suċċessjoni bil-liġi tal-koabitazzjoni.

Waqt li qalet li l-liġi tal-ko­abitazzjoni ma tissostitwixxix id-divorzju, l-Avukatessa Sche­mbri kompliet li ma jistax ikol­lok liġi tal-koabitazzjoni bis-sens mingħajr ma qabel ikollok liġi tad-divorzju u saħqet li jekk fil-pajjiż tidħol il-liġi tal-koabitazzjoni imma mhux tad-divorzju n-nies li suppost kellhom ikunu protetti bil-liġi tal-koabitazzjoni jkunu l-uniċi nies li ma jkunux protetti minnha.

Hija semmiet kif studji barra juru li f’relazzjoni fejn il-koppja tkun tikkoabita u mhux miżżewġa għandek tendenza ta’ iktar falliment fir-relazzjoni, iktar vjolenza domestika, iktar problemi finanzjarji, iktar tfal li jbatu u stigma soċjali.

Il-kelliema kkritikat lin-na­ħa tal-Le li qegħdin ibeżżgħu “bil-babaw” billi jgħidu li t-tfal ikollhom jgħajtu ‘ma’ jew ‘pa’ lill-‘partner’ ta’ missierhom jew ommhom.

Hija sostniet li dak li jkollu jiġri f’relazzjoni bejn koppja jiġri rrispettivment jekk fil-pajjiż jidħolx id-divorzju jew le.

“Id-divorzju ma jbiddilx l-istat ta’ fatt li jinsabu fih il-familji llum“, saħqet waqt li żiedet tgħid li bid-divorzju jew le min irid jitlaq lis-sieħeb jew sieħba se jagħmel hekk xorta waħda.

Il-membru parlamentari Jeffrey Pullicino Orlando wkoll irrefera għall-kampanja ta’ bi­ża’ min-naħa tal-Le dwar jekk it-tfal ta’ koppji separati għand­homx ikunu fil-preżenza tal-‘partner’ ta’ ommhom jew missierhom.

Waqt li staqsa jekk tal-Le iridux li t-tfal ta’ koppji separati jiltaqgħu ma’ missierhom jew ommhom f’xi karozza jew tinda flok f’dar, huwa saħaq li l-importanti li l-‘partner’ ta’ omm u missier it-tfal jagħtuhom eżempju tajjeb.

Pullicino Orlando semma għar-referenzi lejn studji barra minn Malta dwar l-effett tad-divorzju fil-pajjiżi u qal li barra l-istudji jqisu d-divorzju bħala tkissir taż-żwieġ waqt li Malta peress li m’għandnix divorzju ma nużawx il-kelma divorzju għat-tkissir taż-żwieġ.

Huwa semma li waqt li f’Malta m’għandniex divorzju u r-rata tat-tkissir taż-żwieġ tammonta għal 22% li titla’ għal 30% jekk magħhom jiżdiedu l-każijiet tal-annullament, fl-Irlanda fejn hemm id-divorzju r-rata ta’ tkissir ta’ żwieġ hija ta’ 15.7%.

Il-kelliem irrefera għal dawk mill-kamp tal-Le li ddeskrivew lill-vittmi tal-vjolenza domestika fiż-żwieġ tagħhom bħala “imsieken” u qal li dawk li ma jinteressahomx minn dawn in-nies għandhom jivvotaw Le jew ma jivvotawx fir-referendum imma jekk iridu jgħinu­hom għandhom jivvotaw Iva.

Lejn l-aħħar tal-konferenza, Pullicino Orlando qal li aħjar jidħol id-divorzju llum li huwa responsabbli milli jgħaddu 10 snin oħra, jitkissru iktar żwi­ġijiet u l-leġislatur ikollu jdaħħal divorzju ta’ malajr.

Deborah Schembri żiedet li jekk jgħaddi d-divorzju 10 snin oħra nindunaw li s-soċjetà ma tkunx marret għall-agħar kif qegħdin jgħidu li se jiġri mill-kamp tal-Le.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com