L-isqof Mario Grech jghaddi botta waqt festival tal-kant |
Minn Josef Grech |
Waqt festival tal-kant li sar nhar is-Sibt f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech għadda kumment li urta lil uħud minn dawk preżenti, li ħassew li tassew kien barra minn loku.
Il-Festival Marjan kien organizzat mil-Leġjun ta’ Marija u sar fl-Oratorju Dun Bosco tar-Rabat, Għawdex, fejn fih diversi tfal kantaw kanzunetti b’temi relatati mal-Madonna.
Ftit qabel ma’ spiċċa l-festival, l-Isqof t’Għawdex tela fuq il-palk u, waqt li rrimarka kemm hawn talent fost it-tfal, saħaq li jekk ma nibżgħux għall-familja, dan it-talent jista’ jonqos.
Persuna li kienet preżenti u li tkellmet ma’ dan il-ġurnal, fissret il-kumment bħala wieħed mhux f’loku u sostniet li ma tarax x’rabta hemm bejn il-kwistjoni tad-divorzju f’pajjiżna u t-talent fit-tfal.
|
|
Sadanittant, fil-quddies ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-Isqof Grech flimkien mal-Arċisqof Pawl Cremona u l-Isqof Annetto Depasquale, wissew lin-nies biex jiftakru li għad iridu jagħtu rendikont lil Alla dwar il-mod kif jivvotaw.
Minbarra l-kumment tal-Isqof Għawdxi, kumment ieħor meqjus minn bosta bħala “żejjed” kien dak ta’ ‘invigilator’ li, qabel l-eżami tar-Reliġjon tal-Matsec, li sar is-Sibt li għadda, wissa lill-istudenti biex ma jirrispondux favur id-divorzju għax jistgħu jitilfu l-marki.
|
|