L-FŻL sostna l-bżonn ta’ ħafna aktar koperazzjoni mal-industrija li minnha l-istudent ikun jista’ jara fil-prattika dak li jitgħallem b’mod akkademiku fl-Universita’. Il-bżonn ta’ internships jinħass f’diversi korsijiet differenti, u għalkemm ċertu xogħol qed isir fi ftit fakultajiet, irid isir ħafna aktar sabiex l-istudenti jingħataw esperjenza ffukata fuq dak li qed jistudjaw u li tkun rikonoxxuta bħala parti mill-istudji. B’hekk nassiguraw transizzjoni ħafna aktar faċli għall-istudenti meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-industrija tkun qed tibbenefika minn workforce b’bażi soda ta’ taħriġ prattiku wkoll.
IL-FŻL sostna wkoll li spiċċa żmien in-numerous clausus, u li dan qas għandu biss jiġi kkunsidrat għaliex huwa strument li jxekkel l-iżvilupp taż-żgħażagħ fid-direzzjoni li verament jixtiequ f’ħajjithom.
Fost affarijiet oħrajn saret referenza wkoll għall-eżamijiet u d-drittijiet tal-istudenti, l-infrastruttura b’mod speċjali l-aċċess, il-korsijiet u l-bżonn ta’ aktar speċjalizzazzjoni, l-għalliema, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-teżijiet tal-istudenti, il-kurrikulu u l-aspett internazzjonali.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti b’din il-mozzjoni, filwaqt li saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu favur aktar investiment fil-ħiliet taż-żgħażagħ, iħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jinżlu fil-livell tal-istudenti u ma jibqgħux jinqdew bl-Università u t-tagħlim terzjarju biss għall-vantaġġ elettorali jew saħansitra jħarsu lejh bħala piż ekonomiku fuq il-pajjiż, iżda jidentifikaw fih minjiera ta’ talenti, il-ġejjieni ta’ pajjiżna, kif ukoll viżjoni u determinazzjoni għall-ġejjieni.