Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Wara li sfrondat it-tinda ta’ Ħaġar Qim:
L-ebda ħsara fuq it-tempji megalitiċi

Minn Josef Grech

Minkejja li nhar il-Ġimgħa t-tinda li tgħatti Ħaġar Qim spiċċat sfrondat fuq it-tempju megalitiku, kawża tal-maltemp li għamel, l-istruttura nnifisha ma ġarrbet l-ebda ħsarat. Dan qalitu lbieraħ Heritage Malta permezz ta’ stqarrija għall-istampa.

Fl-istess stqarrija ingħad li nhar il-Ġimgħa stess il-ħaddiema ta’ Heritage Malta marru mill-ewwel fuq il-post u bl-għajnuna tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien stabbilit xi ħsarat kienu kkaġunati fuq it-tinda. Permezz ta’ din il-ħidma li saret kien evitat li jsiru aktar ħsarat lill-istess tinda.

Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema ta’ Heritage Malta lbieraħ filgħodu, komplew bil-ħidma tagħhom biex ikun stabbilit jekk kienx hemm ħsarat fuq is-sit innifsu, madankollu, fortunatament dan irriżulta fin-negattiv. Heritage Malta kompliet tgħid li t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra nżammu magħluqa matul il-ġurnata tal-bieraħ sakemm l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa jkunu tlestew. Sadanittant wara verifikazzjonijiet fuq it-tempji, se jerġgħu jkunu miftuħa mil-lum.

Irriżulta li t-tinda li qiegħda tgħatti lit-Tempju ta’ Ħaġar Qim sfrondat għall-ħabta tal-4.00pm. Jirriżulta li fil-ħin li sfrondat it-tinda nqala’ paniku sħiħ fost dawk responsabbli mill-proġett tat-tined. Dawn it-tined sofrew ħsarat kbar mal-ewwel rifnu li laqat lill-gżejjer Maltin minn mindu kienu inawgurati mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi b’mod dirett fuq il-PBS tlett xhur ilu.

Iż-żewġ tined swew madwar €3 miljun biex jipproteġu lit-tempji. Dr Reuben Grima, il-Kuratur ta’ Heritage Malta, f’Awwissu li għadda kien ikkwotat jgħid li riżultat ta’ studju li sar irriżulta li l-kundizzjonijiet ambjentali li naturalment jaffetwaw il-konservazzjoni ta’ dawn it-tempji, bit-tined jitjiebu mmensament. Huwa qal li dan wassal biex inqatgħet ix-xita kollha, ir-raġġi tax-xemx li kunu qed jagħmlu ħafna ħsara u “anke ammont ta’ riħ li jgħaddi minn fuq is-sit, naqas ukoll bħala riżultat ta’ dawn it-tined”.



Ħsarat kawża tal-maltemp



Madankollu r-rifnu li ħakem lill-gżejjer Maltin ma kkaġunax ħsara biss fit-tinda ta’ Ħaġar Qim. Infatti kawża ta’ dan ir-riħ qawwi li għamel inħolqu diversi problemi fit-toroq ta’ Malta u Għawdex b’siġar u arbli tad-dawl jitqaċċtu, billboards itiru qishom biċċa kartuna, passiġġieri fuq il-vapuri tal-Gozo Channel jesperjenzaw xeni tal-biża’ u ajruplan tal-linja Emirates ukoll iġarrab ħsara kawża ta’ riħ qawwi.

Kif jiġri kull darba li tagħmel ħalba xita sew, l-inħawi tal-Imsida, Birkirkara, Ħal Qormi, Gżira u l-Marsa bdew jegħrqu. Membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija kienu impenjati f’diversi lokalitajiet. Apparti minn hekk f’diversi toroq tqaċċtu diversi siġar fosthom fi Triq il-Ferrovija l-Qadima f’Ħal Balzan u fi Triq San Anton f’Ħ’Attard. Siġra oħra tqaċċtet fi Pjazza Indipendenza, magħrufa aħjar bħala Pjazza t-Tokk, fil-Belt Victoria Għawdex. Min-naħa l-oħra fi Triq l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta tqaċċat arblu.

 

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com