Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Żvolta fil-każ bejn Vince Farrugia u Sandro Chetcuti

Minn Josef Grech

Il-każ bejn id-Direttur Ġenerali tal-GRTU, Vince Farrugia u l-eks membru tal-istess GRTU, Sandro Chetcuti ħa żvolta ġdida fl-aħħar jiem. Dan hekk kif mill-proċeduri li għaddejjin quddiem il-Qorti kontra Chetcuti li kien akkużat b’attentat ta’ qtil fuq Farrugia, ħareġ li Vince Farrugia kien bagħat għadd ta’ messaġġi bil-mowbajl lil sezz­jonijiet tal-istampa u kontributuri biex l-inċident li fih hu kien spiċċa aggredit jingħata pubbliċità.

Il-ġurnal “Maltatoday”, ilbieraħ żve­la li dawn il-messaġġi qed jiġu interpretati bħala li saru biex jippruvaw jinfluwenzaw. F’wieħed mill-messaġġi Farrugia talab lil ġurnalist ta’ ġurnal lokali biex jibgħatlu kopja tal-artiklu qabel joħroġ fil-gazzetta. Il-ġurnal “Maltatoday” qal li dawn l-sms mibgħutin qed jitqiesu bħala serji ħafna tant li l-avukat li qed jiddefendi lil Vince Farrugia – li hu ibnu stess, talab li l-Qorti tneħħi dawn il-messaġġi li huma ddokumentati fil-proċeduri, talba li l-Qorti m’aċċettatx. Dawn il-messaġġi spiċċaw dokumentati wara li espert tal-Qorti kien eżamina l-mowbajl ta’ Farrugia.

Ta’ min jgħid li fil-proċeduri li saru kien hemm espert imqabbad mill-Qorti li ddikjara taħt ġurament li d-Direttur Ġenerali tal-GRTU, Vince Farrugia mhux veru sofra ġrieħi ta’ natura gravi jew li kellu ksur fil-kustilji u ħsara fil-kaxxa ta’ sidru fl-attakk fiżiku li wettaq fuqu Sando Chetcuti.

Il-proċeduri qegħdin jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Edwina Grima fejn ftit ilu kienet intlaqgħet talba biex titneħħa l-ordni lill-akkużat Sandro Chetcuti li kienet tobbligah ikun id-dar sa mhux aktar tard minn nofs il-lejl. Chetcuti, li għandu 39 sena u hu minn Wied il-Għajn f’Mejju tas-sena li għaddiet kien tressaq b’arrest il-Qorti u ġie mixli bl-attentat ta’ qtil tad-Direttur Ġenerali tal-GRTU, Vince Farrugia.

L-inċident kien seħħ fil-kwartieri tal-GRTU il-Belt fejn fost akkużi oħrajn li nġiebu kontra Sandro Chetcuti kien hemm dik li ħebb għal Vince Farrugia li għandu 65 sena u kkaġunalu feriti gravi kif ukoll inġurjah u heddu. Sandro Chetchuti, li xogħlu proprja hu żviluppatur tal-bini, ġie mixli wkoll li anke jekk kien ipprovokat waqt l-inċident, qabeż il-limiti tal-provokazzjoni.

 

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com