Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Mara ssib qalziet ta’ taħt tan-nisa fil-but ta’ żewġha

Minn Josef Grech

Żwieġ bejn Maltija u Libjan kien annullat minħabba l-mod ta’ kif ir-raġel kien jittratta lil martu anke jekk din iżżewġitu biex ikun jista’ jibqa’ jgħix Malta.

Fost l-affarijiet li urtaw lil martu kien hemm lejl li qagħad ma’ eks-tfajla tiegħu u okkażjoni fejn wara li rritorna d-dar sbiħ filgħodu sabitlu qalziet ta’ taħt tan-nisa fil-but.

Iż-żwieġ bejn il-koppja seħħ fit-3 ta’ Mejju, 2003, wara li huma kienu ilhom joħorġu flimkien għal madwar sena u nofs. Matul dan il-perjodu kien ikollhom relazzjonijiet intimi imma kienu joqogħdu attenti li hija ma toħroġx tqila. Madanakollu darba nqabdet tqila u l-mara qalet li huwa għamel hekk apposta għax xtaq familja magħha.

Matul il-kawża rriżulta li fi żmien l-għerusija hija ma kinitx tafdah fosthom għax ma kellux kontroll fuqu nnifsu fuq ix-xorb u għax kien jiżfen ma’ tfajliet oħrajn. Minħabba f’hekk ta’ spiss kien ikollhom xi jgħidu. Hija kienet indunat ukoll li kien jibgħat ħafna messaġġi minn fuq it-telefon ċellulari u iktar issuspettat fih.

Madankollu ammettiet li għaddset rasha u żżewġitu ġimagħtejn wara li welldet lit-tifla għax riedet li din titrabba f’ambjent ta’ familja u fil-preżenza ta’ missierha.

“Kien wasal iż-żmien li titwieled it-tarbija u l-uniku mezz biex itawlulu l-viża kien li nuru d-dokumenti li konna se niżżewġu. Kontra qalbi aċċettajt li niżżewġu għax ma xtaqx li t-tarbija ma tkunx taf lil missierha u hu kien kuntent ħafna bit-tarbija”.

Fl-ewwel xhur taż-żwieġ il-mara skopriet li żewġha kien qiegħed jiffrekwenta nisa oħrajn. Spiċċa ma jorqodx fil-kamra tas-sodda imma fil-‘living room’ u darba niżlet isfel biex tagħmel il-ħalib lit-tifla u ma sabitux id-dar. Meta ċemplitlu ma weġibx u daħal id-dar fis-6.00 a.m. għax, skont hu, mar jgħum.

Hija semmiet ukoll fil-qorti kif meta ġab il-Karta tal-Identità Maltija bidel l-atteġġjament tiegħu lejha u beda jerfa’ jdejh fuqha meta ma kinitx tagħmel dak li ried hu fejn darba anke taha xebgħa kbira tant li kellhom iwaqqfuh il-pulizija. Barra minn hekk ma kienx jgħinha fit-trobbija tat-tifla u lanqas kien jagħtiha flus anke jekk kellu impjieg.

Dan kollu wassalha biex talbet is-separazzjoni u wara li kisbitu talbet ukoll l-annullament taż-żwieġ. It-talba kienet milqugħa mill-Imħallef Noel Cuschieri wara li dan ikkonkluda li bl-aġir tiegħu r-raġel ma kellux l-intenzjoni li jgħix ħajja miżżewġa u għalih iż-żwieġ kien biss mezz biex jakkwista status fil-pajjiż.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com