Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Il-UĦM tesprimi t-tħassib tagħha dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels

Minn Josef Grech

Il-UĦM tesprimi t-tħassib tagħha dwar iż-żieda  fil-prezz tal-fuels li tħabbret u li daħlet fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Marzu 2011.  Iż-żieda f’dawn il-prezzijiet tal-fuels ser tkompli tpoġġi pressjoni fuq il-livell ta’ għajxien u l-kwalita` tal-ħajja tal-ħaddiema, pensjonanti u l-familji tagħhom.  Iż-żieda li tħabbret fil-bidu ta’ din is-sena fiċ-ċilindri tal-gass flimkien maż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels qed iħallu effett negattiv kemm fuq il-familji kif ukoll fuq in-negozji.  

Il-UĦM konformi mad-deċiżjoni li ttieħdet bejn l-imsieħba soċjali kollha fl-ewwel laqgħa għal din is-sena tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali qed tistenna r-riżultati ta’ l-analiżi ekonomika u soċjali li fil-preżent qed titħejja mill-Ministeru tal-Finanzi dwar l-impatt li tali żidiet qed iħallu fuq il-poplu kollu, iżda b’mod partikolari fuq dawk il-faxexx fis-soċjeta` l-aktar vulnerabbli.

Parti mill-ftehim bejn l-imsieħba soċjali fl-MCESD jgħid li din l-analiżi trid tkun lesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar.  Il-UĦM tistenna li din iż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels imħabbra għax-xahar ta’ Marzu tkun meħuda wkoll fil-konsiderazzjonijiet li qed jinħadmu biex issir l-analiżi tal-impatt fuq il-familji Maltin.   

B’din l-analiżi ekonomika u soċjali għandu jkun stabbilit l-impatt li dawn iż-żidiet qed iħallu fuq il-konsumaturi u għalhekk x’miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi mtaffi dan l-impatt.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com