Il-mozzjoni, imressqa lbieraħ fil-għodu mill-Whip Parlamentari tal-Partit Laburista Joe Mizzi, “titħasseb bis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli li bħalissa qegħdin iħossu l-familji u n-negozji f’pajjiżna, liema sitwazzjoni hi prinċipalment l-effett ta’ deċiżjonijiet meħudin minn dan il-Gvern fi żmien meta l-qagħda ekonomika internazzjonali tirrekjedi politika li tistimula b’mod għaqli l-ekonomija u ma tkomplix tgħabbiha bi spejjeż żejda, speċjalment dawk li ġejjin mill-ineffiċjenzi tal-monopolji statali konċernati.”
“Tinnota li dawn id-diffikultajiet ekonomiċi se jkunu qegħdin jiżdiedu bil-piżijiet taż-żidiet fit-tariffi mħabbra f’dawn l-Avviżi Legali.”
“Tagħraf li dawn iż-żidiet qegħdin ipoġġu fil-periklu postijiet tax-xogħol fi żmien meta l-ekonomija tagħna teħtieġ li tirkupra malajr mis-sitwazzjoni preżenti.”
“Tfakkar li parti miż-żidiet kontemplati fl-Avviżi Legali huma maħsubin biex jagħmlu tajjeb għal ineffiċjenzi li jirriżultaw mill-mod ta’ kif qegħdin jiġu mmexxijin monopolji statali konċernati, minħabba kalkoli tekniċi ta’ Return on Capital Employed li tefgħu aktar piż fuq il-familji u negozji, kif ukoll minħabba assunzjonijiet żbaljati li saru mill-persuni responsabbli fix-xhur li għaddew.”
“Tinnota li kien hemm għadd ta’ diskrepanzi u nuqqas ta’ informazzjoni ċara u pubblika fil-figuri differenti mogħtija mill-Gvern u mill-awtoritajiet matul ix-xhur li għaddew, fosthom dwar il-mod kif inħadmu dawn it-tariffi, ix-xiri ta’ żejt u l-operat tal-monopolji statali konċernati.”
“Tinnota li permezz ta’ dawn l-Avviżi Legali qed jiġi formalizzat id-dħul tal-kunċett ta’ taxxa fuq id-Drenaġġ.”
“Titħasseb li dawn l-Avviżi Legali ġew ippubblikati filwaqt li l-Gvern qed jgħid li qed jikkonsulta mal-imsieħba soċjali, liema konsultazzjoni ma saritx qabel ma daħlu fis-seħħ iż-żidiet fit-tariffi.”
“Tikkunsidra li anki meta wieħed jieħu f’konsiderazzjoni l-kumpens li l-Gvern qal li se jagħti lill-familji, dan xorta se jħalli lill-istess familji jiffaċċjaw prattikament l-istess livelli rekord ta’ tariffi mħabbra f’ Ottubru, 2008, meta l-prezz taż-żejt kien saħansitra ogħla.”
“Titħasseb li t-tariffi mħabbrin għan-negozji u industrija huma l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u li dan il-fatt ixekkel lil dawn in-negozji milli jirkupraw mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, u saħansitra jipperikola postijiet tax-xogħol eżistenti.”
“Tqis li fil-kuntest ta’ dan kollu, dawn l-Avviżi Legali huma anti-soċjali, jimminaw l-ekonomija u x-xogħol, u għaliex se jgħabbu lill-familji u negozji b’piżijiet akbar li se jkollhom impatt qawwi fuq il-livell tal-għajxien u l-kompetittività ta’ pajjiżna.”