Fl-aqwa tagħhom il-preparamenti
għall-Festival Qormi tal-Ħobż 2010:
Enfasi fuq persuni bi bżonnijiet speċjali |
Għad-disa’ edizzjoni tal-Festival Qormi tal-Ħobż 2010, il-Pastoral and Liturgical Youth Group (PLYG) qiegħed jenfasizza biex dawk il-persuni bi bżonnijiet speċjali jkollhom aċċess għal din l-attività b’diversi elementi ta’ parteċipazzjoni u divertiment mil-pubbliku.
Stefan Gauci Scicluna, il-kordinatur tal-Festival Qormi tal-Ħobż 2010, qal li għal din is-sena l-affordabilità u l-aċċessibbiltà qiegħda tingħata importanza kbira biex kulħadd ikollu ċ-ċans jieħu sehem f’attivita’ ta’ din l-iskala.
Min naħa tiegħu, Joe Camilleri, id-Direttur tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabbilta’ (KNPD) qal li l-Kummissjoni ħadmet id f’id mal-organizzaturi tal-Festival Qormi tal-Ħobż 2010 sa mill-istadju preliminari biex il-proġett ikun maħsub għal aċċessibbilta’ mill-bidu nett.
|
|
Joe Camilleri faħħar il-fatt li fil-forum li se jsir nhar l-4 ta’ Settembru 2010 fis-7pm, fir-Razzett l-Antik, Ħal Qormi, se jkun hemm is-servizz tal-interpretazzjoni għal min hu nieqes mis-smigħ. Min-naħa tiegħu, Stefan Gauci Scicluna semma’ li fl-10 u l-11 ta’ Settembru se jkun hemm spazji ta’ parkeġġ apposta għal nies bi trasport apposta għalihom ħdejn il-Knisja ta’ San Sebastjan, filwaqt li fil-jumejn imsemmija se jkun hemm trasport mil-park and ride tal-Furjana u li se jitlaq lejn Ħal Qormi fis-7.30pm.
Dan is-servizz se jmur lura minn Ħal Qormi aktar tard lejn il-Furjana biex ħadd ma jkollu diffikultà fuq trasport. Barra minn hekk, il-persuni bi bżonnijiet speċjali se jgawdu minn ħafna viżwal biex ma jsibux diffikultà u b’hekk jiddevertu mingħajr problemi flimkien mal-pubbliku ġenerali.
Għal din l-inizjattiva, id-Direttur tal-KNPD awgura kull success lill-Festival Qormi tal-Ħobż 2010 filwaqt li ħeġġeġ biex l-organizzaturi ta’ dawn l-attivitajiet kulturali u socjali isegwu l-eżempju pożittiv ta’ din l-attivita’, filwaqt li jikkonsultaw direttament mal-persuni b’diżabbiltà biex kull attivita’ toffri opportunità indaqs għal partecipanti f’livelli diversi tal-organizzazzjoni.
Il-Festival Qormi tal-Ħobż qiegħed jittella’ għad-disa’ sena konsekuttiva, fl-aħħar erba’ snin ikun dejjem mil-PLYG bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill ta’ Ħal Qormi flimkien ma’ għadd ta’ kumpaniji ewlenin f’Malta u Għawdex.
Il-Festival se jsir nhar l-10 u l-11 ta’ Settembru 2010 madwar il-Knisja ta’ San Bastjan Ħal Qormi. L-attivita’ se tkun bejn is-7.30pm u nofs il-lejl, filwaqt li dawk il-persuni li jixtiequ jużaw it-trasport mil-Furjana għal Hal Qormi u lura jistgħu jikkuntattjaw lil kordinatur tal-attività Stefan Gauci Scicluna fuq 9988 1025.
|
|