L-argument ewlieni għala xi wħud minn ħutna Kattoliċi qegħdin isostnu li jkun dnub vot „iva‟ jew ebda vot jidher li huwa għaliex ommna l-Knisja Mqaddsa tqis id-divorzju ħażin.
B‟imħabba kbira lejn dawn ħutna, aħna nostnu li dan l-argument jaħrab mill-punt ewlieni li l-elettorat għandu quddiemu. Il-kwestjoni kollha mhijiex jekk id-divorzju huwiex tajjeb jew le. Il-kwestjoni hi jekk it-tajjeb jew il-ħażin li aħna l-Kattoliċi nemmnu fih għandux jiġi impost mill-Istat fuq kulħadd.
Bil-qawwa kollha aħna nsostnu li m‟għandu qatt ikun hemm impożizzjoni, la tagħna l-Kattoliċi fuq min mhuwiex, u lanqas ta‟ ħaddieħor fuqna. Ħadd m‟għandu jimponi fuq ħadd u l-Istat għandu d-dmir li jara li dan ma jsirx.
Dan juruhulna l-istess Isqfijiet għeżież tagħna. Infatti, fin-“Nota Duttrinali u Pastorali” li huma qassmu lis-saċerdoti fid-19 ta‟ Marzu li għadda (2011), l-Isqfijiet jaċċettaw dan il-prinċipju saħansitra f‟rabta mal-koabitazzjoni (ħaġa li aħna l-Kattoliċi nqisu ħażina). Huma qalu li “tajjeb li lil persuni li jinsabu f‟relazzjoni stabbli imma mhux uffiċċjalment approvata, <għandha> tingħatalhom protezzjoni legali dwar ċerti konsegwenzi ċivili”.
L-istess prinċipju huwa applikabbli għad-divorzju. Minkejja li aħna l-Kattoliċi nistgħu nqisuh ħażin, xorta waħda nqisu li l-Istat għandu jara li jipprovdi għalih.
Le, mhuwiex dnub li l-Kattoliċi jivvutaw IVA fir-referendum li ġej. Anzi, f’ġieħ ir-rispett lejn ħaddieħor li jgħallimna Sidna Ġesù Kristu, huwa dmirhom li jivvutaw u jivvutaw IVA.