L-aħħar vjaġġ illum għal Guido de Marco |
L-aħħar vjaġġ tal-eks-President ta’ Malta Guido de Marco, li miet nhar il-Ġimgħa fl-età ta’ 79 sena, jintemm illum permezz ta’ korteo li mistenni jitlaq mill-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta għall-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.
Għall-ħabta tat-3.30 p.m. tibda l-quddiesa u wara, il-korteo jissokta sa quddiem il-Monument tal-Gwerra fil- Floriana. Il-korteo funebri fi triqtu lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata se jgħaddi minn Triq Sant’Anna l-Floriana, il-Blata l-Bajda, Triq San Gużepp il-Hamrun, quddiem il-Każin tal-Ħamrun Liberty, quddiem il-Każin tal-Ħamrun Spartans, quddiem il-Każin San Gużepp, quddiem il-Knisja Parrokkjali u minn quddiem il-Każin San Gejtanu. Minn hemm, imur lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn il-funeral jitkompla b’mod privat bejn il-membri tal-familja de Marco.
|
|
F’dawn il-jumejn, it-tebut tal-President Emeritus kien espost għall-pubbliku fid-daħla tal-bieb ewlieni tal-Palazz Presidenzjali. Is-Sibt, fil-fatt, ġemgħa kbira ta’ persuni, sa minn filgħodu kienu diġà qegħdin fil-kju quddiem il-Palazz biex jagħtu l-aħħar tislima ta’ rispett lil Guide de Marco.
Martu Violet, u uliedu Giannella, Fiorella u Mario kienu l-ewwel persuni li daħlu jagħtu l-aħħar tislima lil Guido de Marco. Imbagħad daħlu wkoll qraba tal-familja de Marco, il-President ta’ Malta, George Abela u l-Viċi-Prim Ministru Tonio Borg, fl-assenza tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li kien għadu ma wasalx lura mill-btala li kien qiegħed iqatta’ flimkien ma’ martu u li kellu jħassar biex jattendi għall-funeral. Fost l-ewwel persuni, kien hemm ukoll iż-żewġ eks-Presidenti ta’ Malta Ugo Mifsud Bonnici u Eddie Fenech Adami. Warajhom daħlu Ministri u Membri Parlamentari.
L-eks President ta’ Malta, il-Professur Guido de Marco miet nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tal-4.18 p.m., wara li aktar kmieni matul il-ġurnata ħassu ħażin fir-residenza tiegħu f’Tas-Sliema u kellu jiddaħħal b’urġenza l-Isptar Mater Dei.
Jumejn biss qabel, huwa kien għadu kif ħareġ mill-isptar u deher li rkupra tajjeb ħafna minn kumplikazzjonijiet li żviluppawlu wara li kien għamel intervent tal-qalb.
Huwa miet ftit tal-ħin wara li ddaħħal l-isptar.
It-tebut ta’ Guido de Marco illum se jkun espost għall-pubbliku fil-Palazz bejn id-9.00 a.m. u 12.00 p.m.
|
|