Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Illiberat minn akkuża ta’ użu ta’ flus foloz

mir-Reporter taghna

Il-Qorti tal-Appell Kriminali lliberat lil Peter Paul Azzopardi ta’ 59 sena min-Nadur, iżda residenti r-Rabat, Għawdex minn kull akkuża, wara li l-Qorti ta’ Għawdex kienet ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li sabitu ħati li għamel użu minn flus foloz. Il-każ seħħ fis-26 ta’ Mejju, 2008, fr-Rabat, Għawdex.

Il-każ kien sar magħruf lill-Pulizija wara li s-Senior Principal tal-Uffiċċju tal-Liċenzji tal-ADT, Joan Spiteri, akkumpanjata mill-iskrivana Simone Cini, irrapportat lill-Pulizija li dakinhar li seħħ il-każ, Azzo­pardi kien mar l-uffiċċju tal-liċenzji biex iħallas l-ammont ta’ €1,083 għal-liċenzja tal-vettura.

L-akkużat għamel il-pagament tiegħu permezz ta’ pakkett ta’ flus li kien jikkonsisti f’karti qodma fl-ammont totali ta’ €1,000, li żewġ karti minnhom kienu ta’ €100-il waħda, waqt li l-kumplament kienu f’karti ta’ €50-il waħda. Ma’ dan l-akkużat żied €83.12 mill-kartiera tiegħu, biex jagħ­mel tajjeb għad-differenza.

Min-naħa tagħha, is-Senior Principal Joan Spiteri, aktar tard dakinhar, marret iddepo­żi­­tat il-flus kollha li kienu nġab­ru mil-liċenzji, fil-Bank of Valletta. Ġara iżda li l-għada filgħodu, il-Maniġer tal-Bank Jospeh Aquilina, ikkomunika ma’ Joan Spiteri u informaha li mal-flus li kienet għaddietlu kien hemm karta ta’ €100 li kienet falza. Spiteri sostniet li l-uniċi żewġ karti ta’ €100 li kienet daħħlet il-jum ta’ qabel kienet irċeviet­­hom mingħand l-akkużat.

Wara dak li qalilha l-Mani­ġer tal-Bank, Spiteri kkomunikat mal-imputat biex tinfor­mah dwar dak li ġara u allegatament weġibha li dik il-karta tal-flus kien ġabha mill-bank tan-Nadur meta kien bi­del xi flus Maltin. Min-naħa tagħha, Spiteri għamlet rapport l-Għassa tal-Pulizija.

Min-naħa tiegħu Azzopardi kien xehed fil-Qorti fejn qal li kien mar ħallas il-liċenzji għal sentejn u li fuqu kellu karta waħda biss ta’ €100. Qal li għall-ewwel ma ftakarx minn fejn kien ġab din il-karta ta’ €100, iżda wara rrikonoxxa li fil-fatt kienu rċevewha l-ħad­diema tiegħu minn xi supermarket tiegħu.

Kompla jgħid li l-karti tal-flus li kienu jirċievu fis-supermarket kienu jiġu verifikati hu­miex foloz jew le permezz ta’ magna apposta. Qal li anke l-iskrivana tad-Dipartiment tal-Liċenzji kienet iċċekkjat il-flus bil-magna. Fix-xhie­da tie­għu, kompla jgħid meta l-għa­da ċemplitlu l-iskri­vana tal-liċenzji, qalilha li kien iċċekkja u kienet tajba. Żied jgħid li hi stess kienet iċ­ċekkjatha u wkoll sabitha tajba.

Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri qalet li mill-provi li nstemgħu quddiemha "ma jirriżulta bl-ebda mod li fil-mument li l-akkużat rċieva l-karta tal-flus inkwistjoni jew tul il-kors kollu taż-żmien li kien fil-kustodja jew pussess tagħha, huwa kien f’xi moment konxju li kienet falza". Għaldaqstant Az­zopardi kien illiberat minn kull akkuża.

 

 

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com