Dr Farrugia saħaq li f’Malta l-Gvern Nazzjonalista għadu bla ħeġġa biex jilleġiżla biex jipproteġi xhieda li jistgħu jkollhom evidenza kontra korruzzjoni politika fejn jistgħu jkunu mdaħħlin Ministri tal-Gvern Nazzjonalista. Mhux talli hekk imma saħansitra għadu m’għaddhiex il-‘Whistle Blower Act’.
Din waħidha mhix biżżejjed għax min għandu s-saħħa sa jixtri xhieda u jorganizza ġurnalisti merċenarji biex jintimidaw xhieda potenzjali, qal Dr Farrugia.
Il-Partit Laburista huwa marbut li jagħmel qafas leġislattiv li jinkludi l-protezzjoni tax-xhieda, saħaq Anġlu Farrugia. Huwa semma li mingħajr dan ma jistgħux jaħdmu flimkien il-forzi tal-ordni anke internazzjonalment. Fl-aħħarnett Dr Farrugia qal li min jopponi għal dak li kien qiegħed jissuġġerixxa, huwa kompliċi fil-korruzzjoni politika. Din ir-riżoluzzjoni għaddiet wara li ttieħed vot.