Content on this page requires a newer version of Adobe Flash Player.

Get Adobe Flash player

 

 
Katigoriji ohra
 
 

Fl-ajruport ta’ Malta niżlu s’issa 92 ajruplan militari

Minn Josef Grech

Kemm ilha li bdiet il-kriżi fil-Libja, fl-Ajurport Internazz­jonali ta’ Malta, niżlu xejn inqas minn 212-il ajruplan. Fost dawn, 70 kienu ajruplani kummerċjali, 92 kienu ajruplani militari, filwaqt li 50 kienu ajruplani privati żgħar. Apparti minn hekk, minn nhar it-Tnejn ‘l hawn mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta telqu madwar 4,100 persuna li ġew mil-Libja, li minnhom 1,346 ħallew pajjiżna matul il-ġurnata tal-bieraħ. Min-naħa l-oħra, madwar 3,000 persuna, inġiebu f’Malta mil-Libja permezz tal-ajru.

Dan qalu Reuben Sciberras, kelliemi għall Ajurport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) waqt konferenza stampa li matulha ngħatat spjegazzjoni dwar il-ħidma li qed issir fir-rigward tal-influss ta’ passiġġieri li qed jidħlu u jħallu pajjiżna minħabba l-kriżi fil-Libja.

Fl-intervent tiegħu, Sciberras, qal li matul il-ġurnata tal-bieraħ kienu qed iħallu pajjiżna ċ-Ċiniżi li waslu Malta bil-baħar ilbieraħ stess u matul il-ġurnata tas-Sibt. Qal li wara li jitilqu minn Malta wħud minn dawn iċ-Ċiniżi se jmorru Shangai filwaqt li oħrajn se jmorru Bejing.

Kompla jgħid li matul il-ġurnata tal-bieraħ ħallew paj­jiżna wkoll madwar 232 Ingliż.

“Matul dawn il-ġranet kellna pressjoni kbira, biex mhux biss nagħtu l-aqwa servizz lil dawn il-persuni li ġejjin mil-Libja, iżda minħabba l-fatt li ttitjiriet l-oħrajn kollha li kellna skedati baqgħu għaddejjin b’mod normali.

Ta’ dan nixtieq nirrigrazzja lill-ħaddiema kollha tal-MIA li qed jaħdmu għal sigħat twal biex ikomplu jagħtu l-aħjar servizz possibbli” kompla jgħid Sciberras. Sostna li waqt dan kollu, l-MIA kien f’kuntratt kontinwu mal-Air Traffic Control (ATC), mal-Enemalta li tipprovdi l-fjuwil lill-ajruplani, mal-Protezzjoni Ċivili, l-Armata, l-Pulizija u diversi ambaxxati fost l-oħrajn.

Huwa sostna li l-passiġġieri li kienu ġejjin mil-Libja għaddew minn trawma kerha u l-maġġoranza tagħhom jibdew jibku hekk kif jinżlu mill-ajruplan.

“Min-naħa tagħna aħna qegħdin nagħmlu l-ħajja ta’ dawn il-persuni aktar faċli billi fost l-oħrajn nagħtu l-ikel għal min qed idum jistenna,” kompla jgħid Sciberras.

Waqt li l-passiġġieri Ċiniżi kienu qed jistennew biex jirkbu l-ajruplan, preżenti fosthom kien hemm l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Zhang Keyuan. F’kummenti li ta lil ġurnalisti, Keyuan, qal li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għamel biċċa xogħol tajba ħafna biex iċ-Ċiniżi li kie­nu l-Libja jmorru lura lejn darhom qawwijin u sħaħ fl-anqas żmien possibbli. Sostna li dawn iċ-Ċiniżi f’Malta ħassewhom milqugħin ħafna.

Filwaqt li rringrazzja lil Gvern Malti għal koperazzjoni li wera mal-Gvern u mal-poplu Ċiniż f’dan il-mument delikat, Keyuan sostna li qabel bdiet il-kriżi fil-Libja kien hemm madwar 35,000 Ċiniż. Madankollu 22,000 minnhom ġew evakwati mil-Libja, b’5,000 minnhom jiġu Malta.

Meta mistoqsi b’liema mezz l-oħrajn ġew evakwati, l-Am­baxxatur Ċiniż qal li dawn telqu u marru f’pajjiżi oħrajn bħall-Eġittu.

 

 

 

© dritt risevat - grajjietmalta.com